Kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Roderick Cassar, mixli bil-qtil ta’ martu Bernice Cassar.
Fuq il-pedana tax-xhieda, fost l-oħrajn, telgħet Sylvana Darmanin, li tiġi z-zija tal-vittma.
Hija qalet li, fl-ewwel jum tal-elfejn tnejn u għoxrin, Darmanin ċemplet lil Bernice, Roderick, u wliedhom, u qabditha binthom ta’ erba’ snin li kienet qed tibki. Qalet li, ftit wara, Bernice ħadet il-mobile u qaltilha li se tispjega x’kien ġara wara.
Fil-fatt, ix-xhud qalet li, ftit wara, saret taf li l-imputat allegatament beda jkisser kull ma sab fil-kċina, u kien wara dan l-inċident li x-xhud bdiet iċċempel lin-neputija tagħha kuljum biex tiċċekkja fuqha.
Ix-xhud qalet li, f’Jum l-Omm tal-2022, l-imputat telaq mid-dar filgħodu u ġie lura fis-sitta ta’ filgħodu tal-għada. Intqal li huwa qajjem lil uliedu biex jgħidilhom li kienu sejrin Għawdex, u ommhom qaltilhom li hi ma kinitx se tmur.
Skont ix-xhud, huwa qal li se jkisser kull m’hemm fid-dar, ta daqqa ta’ ponn lil martu f’wiċċha, u heddidha b’sikkina m’għonqha, qabel ma kien se jitlaq lejn Għawdex b’wieħed minn uliedhom.
Intqal li, wara dan l-episodju, huwa daħal fuq martu waqt li kienet qed tinħasel biex jgħidilha li hija ġabet dan kollu b’idejha. Għalhekk, meta lestiet, ħarbet lejn id-dar ta’ zijitha.
Fix-xhieda tagħha, Darmanin qalet li, darba minnhom, Bernice kienet qaltilha li l-pass li jmiss kien li joqtolha, u bdiet tibża’ għal ħajjitha.
Emozzjonata, ix-xhud irrakkuntat kif, dakinhar tal-qtil, kollega tal-vittma ċemplitilha u qaltilha, “Għamilha, qatilha.”