F’laqgħa li saret l-Erbgħa filgħaxija, il-klabbs tal-Premier League approvaw l-istatut li permezz tiegħu waqqfu uffiċjalment l-Assoċjazzjoni li se tkun qed tirrappreżenthom minn issa ’l quddiem.
Fi stqarrija ntqal li l-Assoċjazzjoni kienet magħrufa proviżjorjament bħala Malta Professional Football Clubs Association, u issa l-membri qablu li l-isem jinbidel għal Malta Premier League (MPL), fl-istess linja ma’ assoċjazzjonijiet simili f’pajjiżi oħra.
L-MPL kitbet uffiċjalment lill-Malta Football Association (MFA) biex tkun rikonoxxuta formalment bħala r-rappreżentant uniku tal-klabbs tal-Premier League minflok il-Premier League Standing Committee.
Intqal, ukoll li l-clubs unanimament qablu ma’ Pjan imressaq miċ-Chairman tal-MPL, Joseph Muscat, dwar il-prijoritajiet u l-ħidma għax-xhur li ġejjin.
Intant intqal ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin, l-MPL se tidħol f’diskussjonijiet mal-istakeholders ewlenin, fosthom players, referees, supporters, pubbliku, midja u awtoritajiet, bil-għan li tibda t-tħejjija għal tranżizzjoni maqbula mal-MFA għal Premier League ġdid u aktar attraenti kemm jista’ jkun malajr wara l-istaġun li se jibda dalwaqt.