Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri nieda l-iskema Prodott ta’ Kwalità. Din kienet wedgħa elettorali ta’ dan il-Gvern u l-Onor. Camilleri qal li l-Gvern dejjem emmen f’politika ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli f’Malta għax jemmen fit-tjubija intrinsika ta’ ħafna mill-prodotti ta’ pajjiżna. Huwa għalhekk li bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Agrikolturaħadem bis-sħiħ sabiex jassigura li din il-politika tiġi implimentata biex kemm il-konsumatur kif ukoll il-produttur jibdew jiggwadanjaw.
B’sodisfazzjoni, l-Onor Camilleri ħabbar kif għall-ewwel darba f’pajjiżna rnexxielna nistabbilixxu skema ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli f’Malta u mil-lum il-bdiewa u r-raħħala jistgħu jibdew japplikaw għal din l-iskema.
Il-Perit Camilleri qal li sabiex twettqet din il-politika, il-Gvern bena struttura legali kif ukoll amministrativa biex il-politika tkun mfassla fuq proċess miftuħ u li jiggarantixxi verament prodotti li fihom valur. Fit-tmun ta’ din l-istruttura hemm id-direttorat tal-Agrikoltura li ħadem u ser jibqa’ jaħdem sabiex dan il-proġett ikompli jiġi mwettaq.Marka ta’ Kwalità hija garanzija lil min qed jixtri li dak li qiegħed jinxtara mhux biss jilħaq l-istandards minimi Ewropej li l-prodott Malti kollu għandu jilħaq. Iżda li fih ukoll ċertu kwalitajiet, fil-mod kif ġie kkultivat jew imrobbi, trattat, imwassal jew ippakkjat, li jagħtu ċertezza li qed jitwassal f’mod li joħrog it-tjubija kollha tiegħu b’serħan il-moħħ dwar il-proċess kollu. Jistgħu jkunu kwalitajiet marbutin mat-togħma, mal-ingredjenti jew mad-derha tiegħu, kundizzjonijiet ambjentali milħuqa fil-proċess, jew saħansitra kontribut soċjali li ċertu marka ta’ prodott jew prodotti tagħti lura lill-komunità. Il-fattur ċentrali wara politika ta’ kwalità jibqa’ li jippremja bi prezz aħjar lill-produttur li jagħmel sforz akbar, u li jagħti trasparenza lill-konsumatur.
Il-kwalità tiġi murija lill-konsumatur għalhekk permezz ta’ Marki ta’ Kwalità, iżda kwalità mhijiex sempliċiment tikketta li titwaħħal ma’prodott bla ma tħares lejn x’jagħmlu speċjali. Marka ta’ Kwalità hijamezz ta’ protezzjoni għall-prodotti u produtturi ġenwini. Marka ta’Kwalità trid tkun qed tassigura li prodott ġie verament prodott bl-aktar mod trasparenti u li fil-produzzjoni tiegħu ntlaħqu standards ogħla minn dawk li huma rekwiżiti mil-liġi.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li b’din il-marka ser nagħtu spinta kbira lil dawk kollha li diġà llum jaħdmu b’mod professjonali u sostenibbli kif ukoll inħajru biex jagħmel dak il-pass żejjed lil min verament irid ibigħ prodott li nistgħu nkunu kburin bih. Camilleri kompla jispjega li sabiex it-twettiq ta’ din il-politika jkun sostenibbli u tkun tista’ taħdem b’mod indipendenti, ġie assigurat li kull minjipparteċipa fit-tħejjija ta’ Marka ta’ Kwalità jkun jista’ jibbenefika minn fondi Ewropej. B’dan il-mod mhux biss tingħata l-possibilità lill-produtturi Maltin jadottaw prattiċi bi standards għolja iżda wkoll ikollna Marka ta’ Kwalità li tkun rikonoxxuta mill-Kummisjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu Marco Dimech, mid-Direttorat tal-Agrikoltura ta preżentazzjoni fuq il-qafas legali tal-iskema, l-isforz li ser jagħmel il-Gvern biex jippromwovi prodotti li jakkwistaw din il-marka kif ukollkif ser ikun garantit li l-prodotti li jaqgħu taħt din il-marka jkunu tassewlaħqu standards aktar ogħla minn dawk li huma stabbiliti mil-liġi. Spjega li bħalissa qiegħed jiġi kkonsultat mill-qrib is-settur tal-ħalib, tal-għasel, tal-laħam tal-majjal u tat-tadam tal-iproċessar.
Clint Camilleri temm jgħid li saret ħidma wkoll sabiex ikun megħjun s-settur agrikolu fil-promozzjoni tal-prodotti ta’ kwalità u għaldaqstant, fix-xhur li ġejjin ser tibda kampanja publiċitarja sabiex tiġi kkomunikata u promossa din l-iskema mal-konsumaturi Maltin kollha.