It-taxxa fuq dħul li jirċievu awturi u ko-awturi minn drittijiet fuq bejgħ ta’ kotba tagħhom tnaqqset minn 15% għal 7.5%. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern hekk kif ġie spjegat li, b’din il-miżura li issa se tkun qed tidħol fis-seħħ, qed tkun qed titwettaq wegħda oħra mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista ‘Malta Flimkien’.
Fil-fatt, f’din il-konferenza ġie spjegat kif din it-taxxa kienet diġà tnaqqset minn 18% għal 15%.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, beda billi rringrazzja lill-Gvern ta’ dan it-tnaqqis fit-taxxa, li se jfisser aktar flus u riżorsi lill-awturi biex jippubblikaw u jtejbu s-sengħa tagħhom.
Filwaqt li fakkar li t-talba oriġinali tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kienet li t-taxxa titneħħa għal kollox, tenna li b’din il-miżura issa jinsabu nofs triq u b’hekk ħa tikkontribwixxi b’mod pożittiv għal aktar xogħol mill-awturi u l-ko-awturi f’pajjiżna.
Qal, “L-għan tagħha hu li nħallu aktar flus fil-but tal-awturi tagħna biex ma ninsewx aħna l-awturi kif kont qed ngħid fid-diskors tiegħi mhumiex professjonali, fis-sena li l-ebda wieħed minnhom mhu full-time professional allura dak li qed jagħmel, qed jagħmlu extra barra minn ħinu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, tenna li t-tisħiħ ekonomiku tal-awtur u t-tkabbir tal-industrija tal-kotba jikkontribwixxu għar-rinaxximent tal-letteratura lokali u l-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali tas-soċjetà, u għalhekk it-tisħiħ ekonomiku tal-industrija tal-kotba hu wkoll ta’ importanza nazzjonali.
Qal, “Turi l-ewwel nett fiduċja f’dan is-settur, turi wkoll li l-Gvern ma jiddejjaqx jagħti l-inċentivi neċessarji biex jara li dan is-settur ikompli jattira lejh dejjem aktar nies u iva jara li jkun hemm l-għodda neċessarji biex l-awturi u anke l-ko-awturi jkunu jista’ jersqu ’l quddiem bit-talent tagħhom u bix-xogħol tagħhom.”
Grima sostna wkoll li f’dawn l-aħħar snin kien hemm qabża kbira f’dan is-settur, anke jekk għad hemm sfidi li jridu jkunu indirizzati.
Fakkar, fil-fatt, kif illum l-awturi u l-pubblikaturi qed jiġu mgħejuna b’mod sostanzjali, hekk kif il-Gvern qed jixtri ammont sostanzjali ta’ kotba mingħandhom biex iqassam fl-iskejjel u l-Festival tal-Ktieb qed jingħata importanza kbira, fost oħrajn.