Minn nhar il-Ġimgħa li ġej se tidħol fis-seħħ skema li se tagħti ċ-ċans lil bosta negozji li joffru servizzi jew prodotti lill-Gvern biex ipaċu l-kontijiet tat-taxxa tagħhom ma’ dak dovut lilhom mingħand il-Gvern.
Din il-proċedura li se tkun fuq bażi volontarja hija waħda importanti ferm għax tgħin iżżid il-likwidità tal-intrapriżi.
F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru d-dettalji ta’ din il-miżura, ġie spjegat li l-applikant li qed jitlob li jpaċi l-kontijiet li għandu mal-Gvern, irid ikun l-istess debitur u kreditur tal-Gvern, jiġifieri l-istess persuna li għandha tagħti u tieħu mingħandu.
L-ammonti li se jitpaċu għandhom jiġu rrikonciljati bejn iż-żewġ naħat minn qabel ma jsir il-ftehim li jista’ jsir għal ammonti li huma minn għaxart elef ewro ‘l fuq.
Id-Direttur Ġenerali tal-uffiċċju tal-baġit Mark Borg, tana eżempju prattiku ta’ kif se tkun qed taħdem din il-proċedura:
“Nagħmlu mod supplier għandu jagħti għaxart elef ewro lill-uffiċċju tal-kummissarju tat-taxxi interni u għandu jieħu għaxart elef ewro talli għamel supplies ta’ mediċini lid-dipartiment tas-saħħa, flok is-supplier joqgħod jistenna li jitħallas mid-dipartiment tas-saħħa u jirċievi l-flus mid-dipartiment tat-taxxi interni, ħa jkun hemm contact persons f’kull ministeru li permezz tagħha jivverifika qabel, għax jekk ħa jmur dipartiment tas-saħħa jrid ikun kuntent li s-supplies ġew supplied kif jixtieq,” spjega d-Direttur Ġenerali.
Is-Sur Borg kompla jispjega li wara li jsiru l-konfermi meħtieġa b’mod elettroniku biex jiġi ffrankat l-iskariġġ minn u lejn id-dipartiment ikkonċernat, jiġi ffirmat il-ftehim.
Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna esprima s-sodisfazzjon li l-Gvern irnexxielu jasal biex iwettaq din il-miżura tant bżonnjuża, wara li kienet ilha mwiegħda minn amministrazzjoni Nazzjonalista għal bosta snin iżda baqgħet qatt ma twettqet.
“Il-kumpaniji ilhom jgħidu għandna nagħtu lill-Gvern, min-naħa l-oħra għandu jagħti lilna, għaliex ma nistgħux nirranġaw, jiġifieri tant ilha snin, l-amministrazzjoni l-oħra kienet wegħditha, imma bħal wegħdiet oħrajn qatt ma twettqu, dan il-gvern kburi li din il-wegħda kienet fil-programm elettorali, sabet ruħha fil-baġit u issa llum qed nillaunchjawha, waqqafna unit, għandna proċedura dettaljata kif il-kumpanija tapplika għaliha u nisperaw li din tagħti soljev kbir lill-kumpaniji Maltin,” qal il-Professur Scicluna.