Fl-età ta’ 93 sena, il-fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi, Patri Dijonisju Mintoff, ra ħolma oħra titwettaq: ir-riġenerazzjoni tal-Ġnien tal-Laboratorju tal-Paċi.
L-ispazju ta’ madwar 2,000 metru kwadru, li għandu l-għan li jilqa’ viżitaturi li jfittxu ftit ħin għall-kwiet, ġie rriġenerat permezz tal-entità Project Green, li appoġġjat it-talba ta’ Patri Dijonisju Mintoff għal dan il-proġett soċjali.
Waqt żjara fil-ġnien mill-Ministru Miriam Dalli, Patri Mintoff spjega kif il-post kien iservi bħala żona fejn kienu jsorġu l-ajruplani fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija u kienet tilqa’ mas-7,000 suldat minn pajjiżi tal-Commonwealth, iżda llum qed iservi bħala post ta’ paċi.
Patri Dijonisju tenna li l-iskop hu li n-nies jiftakru li l-ħin tal-mistrieħ hu importanti.
“In-natura hi ktieb kbir u tkellmek il-ħin kollu. Ix-xewqa tagħna kienet li minn post ta’ gwerra nagħmluh post ta’ paċi u dan hu pass ieħor biex inqarrbu lin-nies lejn dan il-post. Nistieden lin-nies biex jiġu jżuru dan il-ġnien,” tenna Patri Mintoff.
Ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-installazzjoni ta’ pontijiet baxxi kif ukoll twessigħ ta’ passaġġi li se jtejbu l-aċċess, filwaqt li jippriservaw il-bijodiversità eżistenti tal-post.
Biex tkompli titjieb is-sigurtà, ġiet installata wkoll sistema ta’ dawl ġdida, addattata għall-post, bil-għan li tkompli tinħoloq atmosfera aktar rilassanti fil-ġnien. Tħawlu bosta siġar u arbuxelli u ġie installat ukoll tagħmir tal-logħob għat-tfal magħmul minn materjal riċiklabbli.
Għall-kumdità tal-viżitaturi, ġew installati bankijiet tal-piknik u iżjed għamara ta’ barra li jkomplu jagħmlu dan il-ġnien rikreattiv u komunitarju.
Kien fl-1971 meta Patri Dijonisju Mintoff ħoloq Ċentru ta’ Ħidma Pastorali favur il-Paċi u, aktar tard, twaqqaf il-kumpless kif nafuh bħala l-Laboratorju tal-Paċi, li llum ukoll għandu fergħa oħra f’The Hague, l-Olanda.
Il-Ministru responsabbli mill-ambjent, Miriam Dalli, tenniet li qed tħares ’il quddiem għal sena oħra ta’ proġetti ambjentali simili minn entitajiet differenti.
Għal din l-okkażjoni, attendew ukoll rappreżentanti minn Project Green u mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.