Twettqet ġustizzja ma’ disgħa u erbgħin eks ħaddiem tat-Tarzna li kienu sofrew mill-asbestos waqt xogħolhom.
Kif kien wiegħed il-Ministru għall-Finanzi, sa qabel il-budget, dawn il-ħaddiema kienu se jirċievu kumpens.
Fil-fatt dawn il-ħaddiema ħadu l-ewwel ċekkijiet ta’ kumpens minħabba li kienu mardu bl-asbestos. Il-kumpens tfassal skont l-età tal-persuna jekk tkun mietet, skont is-severità tad-diżabilità li setgħet inħolqot, jew skont iż-żmien li l-persuna damet marida.
Fil-preżenza ta’ numru ta’ eks ħaddiema u qrabathom il-Minsitru għall-Finanzi Clyde Caruana spjega li dawn ħadu ċekk ta’ bejn €5,800 u €16,600, bl-ogħla ammonti jingħataw lil dawk li sofrew l-aktar. Spjega wkoll li nħatru wkoll erba’ tobba li evalwaw kull każ biex issir ġustizzja sew.
Huwa qal li “S’issa mill-każijiet li kellna u dħalna fiha, is-somma telgħet għal €3.4 miljun. B’kollox kien hemm 300 applikazzjoni u se nkomplu nilqgħu aktar applikazzjonijiet. Irrid ngħid li dawk il-mitejn li m’għadhomx magħna, se jsir proċess biex jitħallsu l-werrieta tagħhom malli jiġu identifikati.”
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon qal li anke jekk f’dan il-każ speċifiku għadda nofs seklu, dan il-Gvern qed iwettaq wegħda oħra mal-ħaddiema tal-Korpi, li sofrew inġustizzji fil-passat.
Huwa sostna: “Dawn kienu esposti għall-asbestos fi żmien fejn ħadd ma kien jaf x’jagħmel l-asbestos. Dan ma kienx biss impenn finanzjarju imma anke rikonoxximent u apprezzament lill-persuni tax-xogħol li għamlu u minn xiex għaddew. Dan hu gvern li jemmen u jinvesti fin-nies u fejn hemm bżonn inwettqu ġustizzja soċjali.”
L-applikazzjonijet li jmiss se jinħarġu mill-Ministeru għall-Finanzi fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru.
Ara wkoll: