Dan ix-xahar twaqqfet l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol permezz ta’ ċerimonja inawgurali li għaliha attenda l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, segwita bl-ewwel laqgħa tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-imsemmija awtorità.
Dan il-bord hu magħmul minn rappreżentanti tal-istati membri, tal-Kummissjoni, tal-imsieħba soċjali fuq livell tal-UE, tal-Parlament Ewropew kif ukoll osservaturi mill-Iżlanda, Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera u aġenziji oħra tal-UE fil-qasam tal-impiegi u l-affarijiet soċjali. F’dan il-bord Malta hi rrappreżentata mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg.
Fl-ewwel laqgħa tal-Bord tal-Ġestjoni ġew adottati d-deċiżjonijiet neċessarji biex l-awtorità tibda taħdem u l-membri tal-bord esprimew ukoll il-fehmiet tagħhom dwar l-ewwel prijoritajiet ta’ ħidma.
Din l-awtorità, ibbażata fl-Islovakkja, għandha l-għan li tassigura li r-regoli tal-UE dwar is-swieq tax-xogħol ikunu infurzati b’mod ġust, effiċjenti u effettiv. L-awtorità għandha wkoll l-għan li:
- Tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni u s-servizzi liċ-ċittadini u lin-negozji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom;
- Tiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-istati membri fl-infurzar tal-liġijiet billi tiffaċilita spezzjonijiet miftiehma u konġunti kif ukoll billi tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat;
- Timmedja u tiffaċilita soluzzjonijiet fil-każijiet ta’ tilwim transkonfinali.
Ir-responsabbiltà għall-infurzar tal-liġijiet tax-xogħol u tas-sigurtàsoċjali se tibqa’ kompetenza sħiħa tal-istati membri. Il-valur miżjud tal-awtorità hu l-fatt li din se tiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-istati membri, se tissimplifika l-istrutturi eżistenti u se tagħti appoġġ operattiv biex tiżgura infurzar aktar effettiv tal-liġijiet. B’hekk, iċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet nazzjonali lkoll se jibbenifikaw minn din l-inizjattiva Ewropea.
Għall-awtoritajiet nazzjonali b’mod partikolari, l-awtorità se ttejjeb il-kooperazzjoni dwar il-mobbiltà tax-xogħol billi tipprovdi struttura permanenti tal-UE li fiha se jaħdmu uffiċjali ssekondati mill-istati membri. L-awtorità se tipprovdi wkoll riżorsi għal attivitajiet reċiproċi bħall-organizzazzjoni ta’ spezzjonijiet konġunti u taħriġ fuq każijiet transkonfinali.