Twaqqfet l-Aġenzija Nazzjonali tal-Arti Perfomattiva, li tiġbor flimkien KorMalta, TeatruMalta, u Żfin Malta.
Din l-aġenzija, li se titmexxa mill-Mro Dominic Galea, għandha l-iskop li tipprovdi qafas legali, amministrattiv, u organizzattiv għal dawn l-aġenziji.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru responsabbli mill-Kultura u l-Arti, Owen Bonnici.
L-Aġenzija se jkollha baġit totali ta’ €1.3 miljun, u se tkun iggvernata minn Bord ta’ Diretturi, waqt li se tkun immaniġġjata minn Kap Eżekuttiv, Direttur Amministrattiv, u tliet diretturi artistiċi. Din se tiżgura li l-viżjoni artistika, l-iżvilupp, id-ditta, u l-identità ta’ KorMalta, TeatruMalta, u ŻfinMalta jibqgħu distinti.
L-ewwel Kap Eżekuttiv ta’ din l-aġenzija, il-Mro Dominic Galea, qal li dawn it-tliet entitajiet se jkunu l-pijunieri ta’ dan il-proġett meħtieġ, li se jkun strumentali fil-proċess tat-tisħiħ, l-iżvilupp, u t-tkabbir tas-settur kulturali u artistiku Malti.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bonnici sostna li permezz ta’ din l-entità se tiżdied l-aċċessibbiltà għall-arti, tissaħħaħ l-ekonomija kreattiva, u l-artisti jkollhom aktar stabbilità.