Wara li t-Tlieta filgħaxija, fl-Emerġenza ta’ Mater Dei, Stephen Mangion ta’ 55 sena miet traġikamemt wara li rrikorra minħabba wġigħ f’sidru, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, ħabbar li twaqqfet inkjesta indipendenti, li se tkun qed tagħmel skrutinju fuq il-proċess ta’ kura.
Dan fl-istess ħin li diġà nbdiet inkjesta maġisterjali, kif jiġri f’ċirkostanzi simili, skont il-liġi u l-prassi.
Dan ġie kkonfermat fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva fejn fiha ngħad li l-Ministru ta direzzjoni biex din tinħatar inkjesta separata, skont l-Att tal-Inkjesti.
Il-bord, li se jmexxi l-inkjesta indipendenti, hu magħmul mill-Imħallef irtirat Dr J. D. Camilleri, bħala chairperson, u l-membri Dr Herbert Felice u Sylvia Spiteri. Il-konklużjonijiet tagħhom mistennija sa mhux aktar tard mill-aħħar tax-xahar id-dieħel.
Rapporti fil-midja qalu li Mangion kien irrikorra l-ewwel fiċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Furjana fejn hemmek irrakkomandawlu li jmur Mater Dei għall-kura.
Ingħad li Mangion kien għadu qed jistenna fil-waiting area tal-Emerġenza meta spiċċa jmut qabel rawh it-tobba.
Waqt li ta l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tar-raġel, il-Ministru Abela stqarr li jifhem l-għadab u d-diżappunt li jkun hemm, u assigura trasparenza sħiħa fi spirtu ta’ governanza tajba f’dan il-każ, biex jekk kien hemm xi nuqqasijiet, jiġu indirizzati b’ġustizzja u mingħajr ħabi.