Il-Ministru Għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima José Herrera ħabbar it-twaqqif tal-Kummissjoni Għall-Kontroll tal-Ħsejjers.
Kummissjoni bil-għan ewlieni li tidentifika żoni suġġetti għall-ħsejjes u storbju eċċessiv, waqt li toħroġ bi proposti adegwati fl-aqwa interess tal-komunitajiet affettwati.
It-twaqqif tal-Kummissjoni jsegwi rapport tal-Aġenzija Ewropea Għall-Ambjent, li f’Ġunju li għadda sab lil Malta bħala l-iktar pajjiż storbjuż fl-Unjoni Ewropea. Dan l-aktar għaliex pajjiżna huwa ukoll l-aktar wieħed ċkejken, bl-akbar ammont ta’ nies jgħixu fih meta mqabbel mal-art abitabbli.
B’rappreżentenza wiesgħa; fosthom mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, il-Ministeru Għat-Turiżmu, l-Awtorità Għall-Ambjent u r-Riżorsi, u l-Korp tal-Pulizija; il-Kummissjoni Għall-Kontroll tal-Ħsejjes se tkun qed tħejji rapport dettaljat dwar is-sitwazzjoni attwali, waqt li tipproponi miżuri sostenibbli fir-rigward.
Herrera fakkar kif b’din il-Kummissjoni, l-Gvern se jkun qed iwettaq wegħda oħra elettorali favur l-aqwa għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin.
Francis Debono, li nħatar ċermen tal-istess Kummissjoni, sostna li din l-inizjattiva se tkun qed timla l-vojt akkumulat tul għexieren ta’ snin, hekk kif se tipprovdi punt ta’ referenza għal dawk kollha affettwati bi storbu eċċessiv.