Il-Ġimgħa filgħodu twaqqfet il-Fondazzjoni tat-Trasport fi ħdan Transport Malta li se tkun qed taħdem sabiex aktar nies iħarsu lejn is-settur tat-trasport bħala karriera.
Fil-Palazz tal-President f’Sant’Anton iċ-Chairman ta’ Transport Malta Joseph Bugeja spjega l-għan ewlieni ta’ din il-Fondazzjoni.
Qal kif, “Se nkunu qed ninvestu ħin b’mod ħolistiku biex naraw kull settur tal-ajru, art u baħar x’nuqassijiet hemm bżonn, kif se nħajru n-nies jersqu lejn il-karrieri ta’ trasport. Hemm numru ta’ opportunitajiet kbar u l-pajjiż għandu bżonn li jimxi b’dan il-mod strutturat biex inkunu żguri li s-setturi kollha jkollhom nies adekwati u mħarrġa professjonali u nitgħallmu minn pajjiżi oħra u aħna nagħmlu bħalhom jew aħjar minnhom.”
Il-Fondazzjoni se tkun qed tippromovi, torganizza u tiżviluppa servizzi innovattivi kif ukoll korsijiet ta’ taħriġ fl-industrija tat-trasport. Se tassigura wkoll li l-attivitajiet dejjem ikunu konformi mar-regolamenti u strateġiji tal-Gvern u tal-Ministeru responsabbli mit-trasport.
Preżenti l-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal kif din se tkun qed tara li titjieb il-kwalità taL- ħajja lin-nies fuq bosta livelli, fosthom arja aktar nadifa.
Spjega kif, “Il-Fondazzjoni qed tiġbor lil min iħaddem, min għandu negozju żgħir lill-istituzzjonijiet edukattivi u anke dawk tal-intrapriża u regolaturi tat-trasport ħalli naraw aktar żgħażagħ ikollhom il-ħiliet u jħarsu lejn trasport u jkomplu jħarrġu lil min jaħdem f’din l-industrija importanti.”
Indirizza din iċ-ċerimonja l-President ta’ Malta George Vella li wkoll tenna l-importanza ta’ inizjattivi simili li jtejbu dan is-settur kruċjali għall-pajjiżna.