Permezz ta’ ftehim bejn l-Arċidjoċesi u l-Gvern ta’ Malta, twaqqfet Fondazzjoni li se tmexxi u tamministra ġawhra fi Strada Merkanti.
Il-Knisja tal-Ġiżwiti li nbniet fuq xewqa tal-Papa Klement it-Tmienja u li fiha tħaddan arkitettura Barokka, bħalissa għaddejja minn proċess estensiv ta’ restawr.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi, Michael Pace Ross spjega li din il-Fondazzjoni mmexxija minn Bord ta’ Gvernaturi se tamministra l-knisja flimkien maż-żewġ oratorji li jikkumplimentawha.
Qal, “Il-ħsieb huwa li tiġi amministrata biex dan il-monument ta’ patrimonju artistiku u kulturali jitgawda minn kulħadd u fl-istess ħin ikun hemm rispett sħiħ lejn il-funzjonijiet reliġjużi li jsiru fil-Knisja.”
Il-Fondazzjoni se tagħmel xogħol ta’ riklamar biex din il-knisja tiġbed lejha diversi għajnejn kif jixirqilha.
Spjega, “Tieħu ħsieb ir-restawr ta’ din il-knisja u l-oratorji primarjament għaliex għandhom bżonn kbir ta’ restawr. Filfatt iż-żewġ fundaturi se jqiegħdu somma flus però r-restawr se jsir ukoll mid-Direttorat tar-Restawr u wkoll se jingħata iktar ħajja lill-knisja se tiġi riklamata aktar.”
Dan il-ftehim ġie ffirmat fl-għoxrin anniversarju li ġiet iffurmata l-fondazzjoni li tieħu ħsieb il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Għaldaqstant il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera sostna li l-Knisja tal-Ġiżwiti se timxi fuq il-passi tal-Kon-Katridral Malti tant maħbub.
Qal, “Illum il-Katidral ta’ San Ġwann fjorixxa, jiġġenera income sostanzjali u huwa kalamita qawwija għat-turiżmu. Din hija t-tieni l-iktar knisja importanti fil-pajjiż, u kien jixraqilha li tiġi restawrata u ppreservata bħall-knisja l-oħra u li tiġġenera wkoll flus biex tkun tista’ tmantni lilha nnifisha.”