Il-Ġimgħa filgħodu, sar inforzar fil-Kapitali b’rabta mal-imwejjed u s-siġġijiet.
Din l-azzjoni mill-awtoritajiet saret fi Triq Santa Luċija, fejn tneħħew l-imwejjed u s-siġġijiet li kienu qed joħolqu ostaklu lil vetturi li jkollhom bżonn jgħaddu minn hemm f’każ ta’ emerġenza.
Dan tħabbar f’kitba fuq Facebook, mis-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay.
B’rabta ma’ dan, is-Sindku tal-Kapitali qal li fl-aħħar sigħat, bosta residenti kelmuh wara l-inkonvenjenza li nħolqot f’ħin partikolari f’din l-istess triq.
F’kumment li ta lil ONE News, is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay sostna li fil-ħidma tiegħu qed jipprova jara li jsib bilanċ bejn l-isfidi li jħabtu wiċċhom magħhom ir-residenti u l-isfidi kummerċjali.
Intqal li l-Kunsill imexxi minnu, kontinwament qed jitkellem mar-residenti fuq dan l-inkonvenjent.
McKay tenna li Kunsill il-ġdid, immexxi minnu, qed jaħdem fuq pjan ta’ perimetri ta’ sigurtà flimkien mar-residenti u s-sidien tan-negozji.
Fil-kumment ma’ ONE News, is-Sindku tal-Belt Olaf McKay temm jgħid li l-għan hu t-tisbiħ u sigurtà għall-Belt Valletta, waqt li jinstab bilanċ bejn ir-resident u stabbilimenti kummerċjali sabiex il-kapitali tkun isbaħ u aħjar.