Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-EuroPride Valletta 2023 komplew, din id-darba, f’Għawdex permezz tal-Pride March li segwit b’kunċert bis-sehem ta’ diversi kantanti lokali.
Għal din il-marċ kienu preżenti l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li din iċ-ċelebrazzjoni ta’ imħabba, diversità u ugwaljanza qiegħda timmarka l-istorja ta’ Għawdex u ta’ Malta fil-qasam tad-drittijiet soċjali u dan wara l-avvanzi kbar li għamel pajjiżna tant li fid-drittijiet LGBTIQ+ jinsab fuq quddiem nett fid-dinja.
Il-Ministru Camilleri fakkar kif “sentejn ilu ftaħna l-Qawsalla Hub, uffiċċju ġdid fil-qalba tal-Belt Victoria, li l-Ministeru għal Għawdex għadda lill-organizzazzjoni LGBTIQ+ GOZO, sena ilu ktibna l-istorja wara li għamilna l-ewwel Pride March li qatt saret f’Għawdex u llum kburin li qed nospitaw eluf ta’ barranin, Maltin u Għawdxin għall-EuroPride Valletta 2023 Gozo Pride March. Dan kollu huwa xhieda kemm il-qasam tal-ugwaljanza huwa fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-Gvern.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li filwaqt li flimkien qed niċċelebraw il-progress li għamilna u l-kisbiet kollha li rnexxielna niksbu, għandna nibqgħu nħarsu ’l quddiem li nkomplu bil-vjaġġ għal dinja aktar inklussiva u futur ugwali għal kulħadd.
F’kelmtejn qabel il-kunċert, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li l-parteċipazzjoni f’dawn l-attivitajiet twassal messaġġ qawwi li Malta u Għawdex huma kburin bl-avvanzi li saru fl-aħħar snin u determinati li jsaħħu dawn il-kisbiet b’riformi oħrajn li jagħtu aktar drittijiet ċivili. Waqt li irringrazzjat lil parteċipanti, l-Onor. Buttigieg saħqet li flimkien qegħdin nibnu soċjetà li tħaddan il-valuri tal-ugwaljanza li tixraq lill-uliedna.
“L-ugwaljanza m’hijiex tolleranza li sempliċiment taċċetta li l-persuna hija differenti. L-Ugwaljanza tfisser ħafna aktar għaliex hija mod ta’ għejxien ta’ soċjetà li temmen f’komunità ugwali, bla preġudizzju, bla diskriminazzjoni u bla mibegħda u b’rispett reċiproku” qalet Buttigieg.
Intant, preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm ukoll Catherine Camilleri, Ko-ordinatriċi ta’ LGBTI+ Gozo, li esprimiet kemm bħala organizzazzjoni jinsabu kburin li pparteċipaw fit-tieni Pride March f’Għawdex u qieset dan il-mument bħala unur għaliha li qed sservi bħala rappreżentanta tal-komunità LGBTIQ+ f’Għawdex. Camilleri, waqt li enfasizzat il-valuri ewlenin tal-komunità, saħqet fuq l-importanza ta’ dawn il-prinċipji bħala parti minn vjaġġ kollettiv tal-komunità LGBTIQ+.