Aġenzija Żgħażagħ organizzat konferenza li taħt saqaf wieħed ġabret diversi żgħażagħ u għaqdiet volontarji li jaħdmu magħhom. Dan sabiex flimkien jiddiskutu l-importanza tax-xogħol li qegħdin iwettqu u fl-istess ħin ikabbru l-għarfien dwar il-kwalità tal-ħidma tagħhom mgħotija lill-komunità.
Tkellimna ma’ Maria Borg, rappreżentanta ta’ Aġenzija Żgħażagħ u li saħqet dwar l-importanza li l-għaqdiet, iż-żgħażagħ u l-Gvern, f’katina waħda jsaħħu l-kwalità tal-ġenerazzjoni żagħżugħa fis-soċjetà Maltija.
Qalet, “L-idea hawnhekk li niftħu diskussjoni u djalogu dwar x’inhi l-kwalità fil-ħidma tal-għaqdiet taż-żgħażagħ, se nkunu qed inħarsu lejn diversi elementi u kriterji li jistgħu jsaħħu l-kwalità fil-ħidma tagħhom. Qed nistennew li mill-konferenza tal-lum joħroġ, l-ewwelnett li nibdew nitkellmu dwar il-kwalità fil-ħidma maż-żgħażagħ u x’inhi din il-kwalità.”
F’diskors li għamel, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq kif iż-Żgħażagħ huma l-investiment garantit għal Malta u Għawdex aħjar.
Irrimarka li iż-żgħażagħ għandhom ikomplu jingħataw aktar importanza fil-politika u t-tmexxija tal-pajjiż billi jinstema’ leħinhom fid-deċiżjonijiet importanti li jittieħdu.
Qal, “Gvern li fis-settur taż-żgħażagħ mhux biss iwettaq imma jisma’ wkoll. Għalhekk f’din il-konferenza stedinna lill-NGOs li jaħdmu maż-żgħażagħ biex isemmgħu leħinhom u naraw kif nistgħu naħdmu aħjar. Fost l-oħrajn, stedinna Youth Workers li jaħdmu maż-żgħażagħ biex naraw kid intejbu l-kwalità tal-ħajja taż-żgħażagħ.”
Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma qalet li x-xogħol imwettaq mill-għaqdiet taż-żgħażagħ huwa imprezzabbli u għalhekk importanti li l-Aġenzija tkompli ssaħħaħ ix-xogħol li jagħmlu u tagħti sapport kontinwu.