F’Malta saret l-ewwel konferenza multi-dixxiplinarja tat-tip tagħha dwar il-problema tal-kontinenza, li – kontra l-perċezzjoni inġenerali – ma taffettwax biss lill-anzjani.
Għal din il-konferenza, li saret b’mod konġunt mid-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva, ir-Residenza San Vinċenz de Paul u l-Awtorità Maltija għall-Mediċini, kien hemm preżenti bosta esperti lokali u anke internazzjonali.
Għaldaqstant, diversi professjonisti lokali fl-oqsma tal-ġerjatrija, kirurġija, ġinekoloġija, infermerija u fiżjoterapija qed jiltaqgħu ma’ esperti mir-Renju Unit sabiex tiġi diskussa din it-tema importanti biex jinstabu soluzzjonijiet xierqa u moderni favur kura ħolistika.
Indirizza din il-konferenza l-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, li qal li dan is-suġġett hu wieħed ta’ taboo.
“Aħna ddeċidejna li dan hu sintomu li jaffettwa ħafna l-kwalità tal-ħajja u allura konsonanti mal-viżjoni tal-Gvern, li ntejbu l-kwalità tal-ħajja. Iddeċidejna li nattakkaw din il-problema. Bdejna b’din il-konferenza, fejn għandna mistednin minn barra, esperti fis-suġġett. Ovvjament, dawn il-konferenzi ma jsirux għalxejn, minnhom joħroġ ħafna ġid, ideat, li jkomplu jsaħħu l-viżjoni tagħna biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja.”
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Professur John Camilleri Brennan, kirurgu Malti li jmexxi taqsima speċjalizzata fl-Iskozja u li din is-sena ġie konfermat bħala Viċi President tar-Royal College of Physicians and Surgeons of Glasgow.