Fl-10 ta’ Settembru, fi sqaq Sajjan u Triq Viani f’Tas-Sliema ġiet organizzata mill-Kunsill Lokali tal-lokalità l-ewwel edizzjoni ta’ SQAQIEN.
F’din l-attività ingħatat ħajja mill-ġdid lill-isqaqien ta Tas-Sliema permezz ta’ artiġjanat Malti, ikel u xorb, kant u folklor Malti. Kull min attenda dan l-avveniment seta’ jgawdi minn spettaklu mill-isbaħ mill-grupp Tabal, il-Makjettisti Jomike u Lydon u fl-aħħar u mhux l-inqas, il-grupp Kantera.
ONE News iltaqa’ mal-kunsillier ta’ tas-Sliema, David Muscat, f’dan l-istess sqaq fejn qal li minkejja l-iżviluppi li għaddiet minnu l-lokalità ta’ Tas-Sliema, speċjalment fl-aħħar snin, xorta waħda diversi karatteristiċi li jmorru lura s-sekli, għadhom jagħtu karattru lil din il-belt fosthom is-sqaqien.
Qal, “Mela din kienet l-ewwel edizzjoni ta’ Sqaqien għax hekk ġibna l-isem għal din l-attività. Sqaqien ovjament għax qed nagħtu ħajja lill-isqaqien Slimiżi. L-iskop wara hu li nagħtu ħajja nerġgħu mill-ġdid lill-kultura, lil dawn ir-rikezzi li għandna f’Tas-Sliema.”
Waqt din l-attività t-tfal li attendew kellhom l-opportunità jpinġu u jħallu messaġġ bl-għajnuna ta’ diversi animaturi li kienu libsin kostum tradizzjonali Malti.
David Muscat tenna ma’ ONE News li f’Tas-Sliema hemm madwar 11-il-sqaq u jgħixu madwar 30 familja fihom però dawn qed jintilfu bilmod minħabba li qed jinfetħu u jsiru toroq. Huwa kompla jżid li fi żmienu n-nies kienet tinġabar barra filgħaxijiet u b’din l-attività l-iSlimiżi kellhom iċ-ċans jesperjenzaw dan mill-ġdid.
Qal, “Kienet xi ħaġa sabiħa ħafna fejn attendew diversi persuni, residenti u anka minn barra minn hawnhekk fejn naħseb reġgħu għaddew ftit minn dawk il-memorji li kellhom qabel speċjalment fl-isqaqien fejn kienu joħorġu bil-banketti, jaraw it-tfal jilgħabu l-passju u hekk ġara s-Sibt li għadda.”
David Muscat tenna li ‘l quddiem se jerġa’ jsir dan il-festin f’diversi sqaqien differenti fil-lokalità ta’ Tas-Sliema biex ikomplu jġeddu l-memorji ta’ dak li ħafna esperjenzaw fil-passat.
Qal, “Is-sena d-dieħla jekk Alla jrid immorru għat-tieni sqaq. Ovjament ma jfissirx li dak li rajna l-weekend li għadda f’dan l-isqaq, fl-isqaq li ġej ħa jkun l-istess għax kull sqaq għandu l-karrateristika tiegħu, allura dejjem ħa nippruvaw naraw x’noħolqu fi sqaq ġdid li għandna.”