Matul dan tmiem il-ġmgħa ittellgħet ir-raba Konferenza Nazzjonali dwar is-Saħħa Pubblika bit-tema ‘Improving Health and Well Being: An Integrated Societal Approach.
Din il-konferenza saret bil-kollaborazzjoni tal-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Pubblika kif ukoll l-Universita ta’ Malta u l-Malta Health Network u tittella’ kull sentejn. Fil-fatt, tkun immirata għall-imsieħba fis-settur li jinkludu Professuri, infermiera u akkademiċi universitarji fost oħrajn. Dawn jiġu murija l-istudji li jkunu saru fuq diversi aspetti tas-saħħa u li jħallu impatt.
Dr Kathleen England mill-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Pubblika qaltilna li fost it-temi diskussi, tkellmu dwar l-irwol tal-politiċi li jimplimentaw diversi policies marbuta mal-qasam tas-saħħa.
Qaltilna wkoll li din il-konferenza għandha l-għan li jitqajjem interess u entużjażmu fuq is-suġġett.
“Ippruvajna niddiskutu s-suġġetti li huma mportanti fis-saħħa Pubblika bħal klima u l-effett li qed ikollha fuq is-Saħħa Pubblika bħal l-effetti tas-saħħa mentali, id-droga u s-suwiċidju wkoll. Bħal-effetti tan-nutrizzjoni u x’inhu l-ħażin, x’qed nieklu – fuq l-impatt tal-iscreening, kemm nies qed imorru jagħmlu screening kull sena / sentejn kif suppost. Iddiskutejna aspetti innovattivi fis-Saħħa Pubblika – il-genomics li hija mediċina personaliżżata u iktar iffukata.”
Indirizza wkoll din il-konferenza, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela. Huwa spjegalna l-vantaġġi li joħorġu minn dawn it-tip ta’ konferenzi importanti.
“Konferenza dwar is-Saħħa Pubblika titkellem dwar temi li jaffettwaw ħafna miċ-ċittadini fis-soċjetà tagħna. It-temi li għandhom x’jaqsmu mal-prevenzjoni ta’ mard huma importanti u vitali bħad dijabete, l-obeżita, mard li għandu x’jaqsam mas-sigaretti u l-kanċer – temi vitali għas-soċjetà tagħna.”