Għal sena oħra, ser tkun qiegħda torganizza l-attività Minn Qalb iż-Żrieraq, fejn din tkun organizzata mill-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Pubbliċi u l-Kummissjoni Radju fi ħdan l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria taż-Żurrieq. Din is-sena, din l-attività se tkun qed issir bejn il-Ġimgħa, 20 u l-Ħadd, 22 ta’ Diċembru f’Misraħ ir-Repubblika u se tkun b’risq id-Dar tal-Providenza.
Waqt dan il-weekend ser isiru diversi attivitajiet fosthom ‘coffee morning’ il-Ġimgħa, 20 ta’ Diċembru fid-8:45am, u fl-istess ġurnata ser issir attività ta’ Boxing bl-isem ta’ ‘Pjazza De’ Box – Part VII’ mill-5:00pm ’il quddiem. L-għada s-Sibt, 21 ta’ Diċembru fl-10:00am ser ikun qed isir Quiz organizzat mill-Kummissjoni Radju, b’attività oħra tkun imtella’ min-12:00’il quddiem għat-tfal mis-Sezzjoni Żgħażagħ Karmelitani u filgħaxija jittella’ TEN14 Music Bingo organizzat mill-Kummissjoni Radju flimkien mas-Sezzjoni Nisa Karmelitani.
Il-Ħadd, 22 ta’ Diċembru imbgħad se jkun hemm attività għall-familja kollha b’diversi stands ta’ artiġjant, kantanti, animazzjoni għat-tfal, show tal-K9 mis-CSA, show ta’ karozzi antiki, Blood Donation Unit ħdejn il-Kunsill Lokali, għanjiet tal-Milied mill-Banda Queen Victoria A.D. 1865, u diversi affarijiet oħra.
L-Għaqdiet qed iħeġġu lil kulħadd sabiex jingħaqad magħhom waqt din l-attività, fejn anke jgawdu dawn il-jiem tal-Milied mal-familja, filwaqt li jgħinu lid-Dar tal-Providenza fil-missjoni tagħha li tgħin lin-nies fil-bżonn waqt dawn iż-żminijiet sbieħ tal-Milied.
Għal aktar informazzjoni fuq din l-attività, wieħed għandu jżur il-paġni tal-midja soċjali tal-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria fejn hemm aktar informazzjoni dettaljata dwar dawn l-attivitajiet li ser isiru f’Misraħ ir-Repubblika bejn il-Ġimgħa, 20 u l-Ħadd, 22 ta’ Diċembru.