F’ġurnata b’temp mill-isbaħħ ittellgħet l-ewwel edizzjoni tal-Kottonera Bike Ride fl-okkażjoni ta’ Jum il-Kottonera.
Attività li laqqgħet flimkien għexieren ta’ nies minn tfal sa anzjani, li mhux biss għamlu l-eżerċiżżju fiżiku iżda wkoll ġirja simbolika ta’ apprezzament lejn l-ambjent naturali u l-wirt kulturali.
Il-bike ride bdiet minn ħdejn Forti Rinella u ntemmet iktar tard fl-Isla.
L-attivita kienet organizzata mill-Fondazzjoni Kottonera, bil-koordinatur eżekuttiv Glenn Bedingfield qal li din l-attivita qed tiċċelebra l-għaqda tal-Kottonera, filwaqt li tqajjem kuxjenza kif il-Kottonera ta’ għada tista’ tkun aħjar minn tal-lum. Huwa qal: “Inqajmu kuxjenza, l-ewwel nett dwar l-eżerċiżżju fiżiku u t-tieni nett dwar il-kultura li hawn.”
L-attivita sabet l-appoġġ tal-Bicycle Advocacy Group, bis-Segretarju Ġenerali tal-għaqda Joe Gatt jittama li din l-attività tixpruna użu ikbar tar-rota għal qadi ta’ kuljum, anke fil-Kottonera stess. Huwa qal: “Jekk ninkoraġġixxu n-nies jibdew jużaw ir-rota biex dawk il-qadjiet fir-raħal jagħmluhom bir-rota, inkunu qed nagħtu ġid kbir lill-komunità.”