Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona ppreżenta abbozz ta’ liġi fil-Parlament dwar iż-żoni ħielsa f’Malta.
Permezz ta’ din il-liġi l-Gvern se jiffaċilita t-twaqqif ta’ żoni ħielsa jew customs free zones biex b’hekk pajjiżna jkun jista’ jkabbar l-attività ekonomika li hija mmirata lejn il-kummerċ internazzjonali.
Dan l-abbozz se jkompli jixpruna l-ekonomija Maltija u fuq kollox joħloq aktar opportunitajiet, kemm ta’ impjiegi ta’ kwalità kif ukoll attività kummerċjali.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Ministru Cardona saħaq kif “il-viżjoni tal-Gvern hi li Malta ssir ċentru għal kummerċ lejn l-Afrika. Il-pożizzjoni ġeografika tagħna bħala gżira f’nofs it-toroq kummerċjali tal-Ewropa u l-Afrika ta’ fuq tpoġġina f’vantaġġ uniku. Għaldaqstant, din il-liġi se twitti t-triq sabiex pajjiżna jsir ċentru ta’ eċċellenza fl-industrija tal-loġistika.”
Il-Gvern huwa kunfidenti li dan is-settur se jkun wieħed ta’ suċċess f’pajjiżna, speċjalment għaliex pajjiżna diġà għandu esperjenza u storja twila fis-settur tal-loġistika permezz tal-ħidma li ssir fil-Port Ħieles. L-abbozz jipproponi t-twaqqif ta’ awtorità biex tamministra ż-żoni ħielsa filwaqt li toffri assistenza lil dawk l-intrapriżi li jaħdmu f’dan is-settur.
Il-Ministru Cardona sostna li huwa ottimist li se jkun hemm kumpaniji minn madwar id-dinja li se jersqu lejn Malta sabiex joperaw f’sistema li toffri aċċess uniku fil-kummerċ internazzjonali u dan se jwassal għal aktar tkabbir ekonomiku.