Ħdax-il avukat, li qed jirrappreżentaw numru ta’ persuni, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u anke kumpaniji, li qed jiffaċċjaw proċeduri fil-Qorti b’rabta mal-inkjesta dwar l-isptarijiet, ressqu kwerela fil-Qorti kontra l-esperta Serba Miroslava Milenovic.
F’seduta fl-istess kawża l-Erbgħa, l-istess barranija kkonfermat fil-Qorti li la għandha degree fl-accounts u lanqas warrant bħala accountant, waqt li, meta mqabbda mill-Maġistrat Gabriella Vella, ħadd ma talabha l-kwalifiki tagħha.
Waqt li tat din ix-xhieda taħt ġurament, Milenovic ġiet mgħarrfa mill-Qorti li, f’Malta, irid ikollok warrant biex taħdem bħala accountant.
Il-kwerela, ippreżentata l-Ħamis, tgħid li Milenovic tqabbdet diversi drabi minn għadd ta’ maġistrati biex taqdi l-funzjoni ta’ accountant forensiku matul is-snin fuq id-dikjarazzjoni tagħha li hi esperta fil-qasam.
Jingħad ukoll, fost l-oħrajn, li, skont il-proċeduri fil-kawża l-oħra relatata mal-isptarijiet, ħareġ kif is-Serba tħallset eluf kbar biex twettaq l-inkarigu tagħha.
Għaldaqstant, l-avukati talbu lill-Qorti biex tiddikjara u tipproċedi kontra l-barranija minħabba ksur ta’ diversi artikli fil-liġijiet ta’ Malta b’rabta mal-Kodiċi Kriminali.