Tqegħdet l-ewwel ġebla tal-binja l-ġdida fil-Marsa, li se tkun qed isservi għar-rilokazzjoni tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura. Dan sar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentar għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.
Il-binja l-ġdida se tkun fuq erba’ sulari u mgħammra bl-aktar apparat teknoloġiku modern biex taqdi l-bżonnijiet tal-industrija tas-sajd u s-sajjieda lokali.
L-investiment għal dan il-proġett se jlaħħaq il-€5 miljun u hu ppjanat li jitlesta sa tmiem is-sena d-dieħla.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Refalo tenna l-importanza ta’ din il-binja għas-sajjieda tagħna.
“Kienet ilha tinħass il-ħtieġa li jsir dan il-hub li qed isir proprju biex ikun ambjentalment eco-friendly u s-sajjieda tagħna jkollhom aktar aċċessibbiltà peress li qiegħed ħdejn il-port.”
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said tenniet l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f’dan is-settur, għax jemmen bis-sħiħ fil-bżonn tax-xogħol u s-servizzi li joffru s-sajjieda lokali fil-komunità.
“Bħala Gvern, nemmnu fil-bżonn li nsaħħu s-servizzi li nagħtu lis-settur tas-sajjieda tagħna u għalhekk permezz tal-Fisheries Hub se nkunu qed inkabbru l-operat permezz ta’ uffiċini ġodda li se jkunu qed jospitaw numru ta’ ħaddiema li bħalissa huma impjegati mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura.”
Hi għalqet billi qalet li proġett kbir ta’ dan it-tip se jkun ta’ kontribut għall-pjan ta’ riġenerazzjoni fir-raħal tal-Marsa, b’investiment li juri biċ-ċar il-viżjoni tal-Gvern.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, Dennis Calleja, qal kif b’dan l-investiment se jinħoloq spazju aktar adegwat għall-ħaddiema kif ukoll kull min jagħmel użu minnha b’aktar effiċjenza u sistemi sostenibbli u ekoloġiċi.