Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri assistew għat-tqegħid tal-ewwel ġebla taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv ġdid fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ €16-il miljun u se jara l-bini ta’ pixxina ta’ daqs Olimpiku. Barra din il-pixxina tal-ogħla livell se jsiru faċilitajiet għal dixxiplini sportiv oħra, fosthom basketball u ġinnastika.
Dan iċ-ċentru sportiv se jkun mgħammar ukoll b’faċilitajiet mill-aqwa, fosthom kmamar tal-ewwel għajnuna.
Hawnhekk, il-Prim Ministru Robert Abela wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-progress ta’ dan il-proġett u qal kif il-gżira Għawdxija se jkollha l-ewwel kumpless sportiv.
Min-naħa tiegħu, l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fisser dan il-proġett bħala wieħed kruċjali għall-qasam sportiv f’Għawdex filwaqt li se jkun sors ewlieni għat-tkabbir ekonomiku f’din il-gżira.
Il-Ministru Camilleri qal kif dan il-proġett massiċċ mistenni joħloq niċeċ ġodda u jattira atleti u gruppi professjonali li huma minn barra l-pajjiż lejn il-gżira tat-tliet għoljiet.
Intqal kif minn dan il-proġett, se jgawdi l-poplu Għawdxi, se jtaffi mill-iskariġġ li għandhom bosta atleti Għawdxin tal-waterpolo, hekk kif ta’ kuljum dawn ikollhom jaqsmu lejn Malta biex jitħarrġu.
Il-Ministru għal Għawdex qal li f’dan is-sit, li huwa mifrux fuq medda ta’ madwar ħamest elef metru kwadru diġà sar xogħol sostanzjali fejn tidħol l-eskavazzjoni u l-pedamenti. Ġie spjegat ukoll li issa bdiet tiela’ l-istruttura tal-kumpless li mistennija tkun lesta sa dan is-sajf.