B’investiment ta’ għaxar miljun ewro beda x-xogħol fuq il-bini ta’ skola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex.
It-Tnejn filgħod tqiegħdet l-ewwel ġebla ta’ din l-iskola li se mistennija tilqa’ fiha madwar sitt mija u ħamsin tifel u tifla.
Għal dan l-avveniment kien hemm fost oħrajn, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, flimkien mal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.
Din l-iskola ħa jkollha daqs ta’ madwar tmint elef metru kwadru, bi tliet elef metru kwadru minnhom se jkunu ta’ spazju għall-isport u r-rikreazzjoni tat-tfal. Barra minn hekk din l-iskola ħa jkollha sittax -il klassi għas-snin tal-edukazzjoni primarja u għaxar klassijet għall-kindergarten. L-iskola l-ġdida ħa jkollha klassijiet għall-suġġetti speċifiċi fosthom it-tagħlim tax-xjenza, tat-teknoloġija tal-informatika, id-drama u l-arti.
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ, Dr. Denise Mifsud, qalet li din l-iskola l-ġdida se tkun mgħammra bi kmamar li jixirqu lill-ħaddiema. Semmiet ukoll sala ġdida.
Hi stqarret li l-binja tal-iskola se tagħti spinta lill-ambjent edukattiv tal-iskola.
Il-Ministru, Owen Bonnici stqarr li l-Gvern sema’ lill-edukaturi u ħass il-bżonn li tinbena din l-iskola ġdida f’Għawdex bħala parti mill-isfond ta’ investiment akbar li qiegħed jagħmel il-gvern fl-iskejjel tal-istat.
Spjega li, “Qegħdin naraw il-bini ta’ skola ġdida primarja fir-Rabat Għawdex li ħa tieħu post skola li ila mibnija għal iktar minn mija u ħamsin sena u qed naraw ukoll ir-rinovament u modernizzar tal-iskola Medja fir-Rabat Għawdex”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, stqarr li dan il-proġett huwa differenti minn dak ta’ infrastruttura jew bini ta’ triq. Dan għaliex dan il-proġett huwa purament għat-tfal Għawdxin.
Hu żied jgħid ukoll li din l-iskola ħa tkun akkumpanjata minn Ċentru Akkwatiku u Sportiv u dan ħa jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu.
Qal li, “Qegħdin nibnu skola ġdida, skola primarja inkluż child care centre ġdid u refurbishent totali tal-middle school”