Ambjent Malta ser tkun qed tqassam żerriegħa tas-siġar indiġeni lill-istudenti tal-iskejjel primarji tar-raba’, ħames u s-sitt sena. Dan sabiex flimkien fil-21 ta’ Marzu jħawlu siġra u jiċċelebraw il-bidu tar-rebbiegħa.
Fost iż-żerriegħa li ser jingħataw f’pakkett lill-istudenti hemm dawk tas-siġar ta Ġuda, Siġret il-Virgi, Siġar taċ-Ċipress, Siġar taż-Żnuber u siġar tal-għargħar. Ma dawn iż-żerriegħa li nġabbru minn rangers ambjentali ta’ Ambjent Malta ser jitqassam ukoll materjal edukattiv sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jitgħallmu dwar l-importanza tas-siġar.
Din l-inizjattiva tħabbret fl-iskola primarja ta’ San Ġwann mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Clifton Grima.
Il-Ministru Farrugia faħħar il-fatt li fl-2021, Ambjent Malta kisret rekord ieħor fit-tħawwil ta’ siġar u arbuxell.
“Kellna rekord ta’ siġar li tħawwlu, 27,000 siġra fl-2021 u dan b’distakk, tħares biss biss lejn l-2018 kellek 10,000 siġra. Jiġifieri l-Gvern Malti qed jaħdem ħafna kuljum biex l-ambjent ta’ pajjiżna jpoġġih fuq nett tal-aġenda.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima qal li permezz ta’ inizjattiva bħal din qed naraw li f’pajjiżna tingħata edukazzjoni ħolistika li ssawwar fit-tfal l-iżjed prinċipji fundamentali.
Huwa qal ukoll li fl-iskejjel li qed jinbnew ġodda u wkoll dawk li qed jiġu rranġati, qed jingħata aktar spazju lill-ambjent filwaqt li faħħar din l-inizjattiva li se tkompli tqanqal l-interess ta’ uliedna fl-ambjent ta’ madwarhom.