Fl-okkażjoni tal-45 sena mit-twaqqif tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun ġiet offruta warda tad-deheb lill-istatwa ta’ Marija Immakulata.
Din il-warda tad-deheb tpoġġiet f’riġlejn l-istatwa waqt il-purċissjoni f’nhar il-festa, fl-ewwel Ħadd ta’ Lulju.
Il-President tal-Għaqda Antoine Scicluna sostna li din il-warda se tkompli tgħaqqad l-Għaqda Mużikali mal-Parroċċa u se tibqa’ hemm għal ġenerazzjonijiet futura.
L-Għaqda Mużikali se tkompli biċ-ċelebrazzjonijiet tagħha, hekk kif fid-29 ta’ Awwissu, se jitfakkar it-twaqqif tal-għaqda. Dakinhar se ssir quddiesa fis-6:30pm quddiem is-sede tal-Każin fi Pjazza Kapillan Muscat. Wara se jiġi varat ktejjeb għat-tfal tal-iskejjel dwar il-mużika, il-Ħamrun, il-banda u l-paroċċa.
L-għada, fit-30 ta’ Awwissu, se ssir l-attività ‘Diverse Fest’, li fiha se tilqa’ diversi persuni ta’ nazzjonalitajiet, b’kulturi differenti. Din l-attività se ssir fi Pjazza Kapillan Muscat mis-7pm ‘l quddiem, bid-dħul huwa b’xejn.