Ittellgħet f’postha t-tieni parti tal-pont pedonali fi Triq it-Tiġrija għal rotot bil-mixi u bir-rota, aktar siguri bejn il-Marsa u Ħal Qormi.
B’hekk issa dan il-pont mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan hekk kif se jkun qed jitpoġġa taraġ u lift ieħor f’punt pedonali ġdid fi Triq it-Tiġrija, li issa huwa magħqud mal-karreġjata fi Triq Diċembru Tlettax lejn il-Belt Valletta.
B’hekk issa il-pont ser joħloq rotta aktar sigura minn fuq ħames karreġġjati li minnhom jgħaddu karozzi b’veloċità.
Il-Perit Corinne Dimech spjegat kif dan il-pont kien bżonnjuż f’dawn l-akwati sabiex mhux biss il-karozzi ma jkollhomx għalfejn jieqfu biex jaqsmu n-nies iżda wkoll it-triq saret waħda iżjed sigura għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi jew bir-rota.
Dimech tenniet,“Is-Sibt li għadda ttellgħet it-tieni u l-aħħar parti ta’ dan il-pont pedonali li jgħaqqad Triq it-Tiġrija ma’ Triq il-Jum fil-Marsa stess. Dan l-istess pont, huwa idea li hija effiċjenti u sigura ħafna bħala qsim pedonali għaliex qabel kellek nies jaqsmu ħames korsiji dirett u anke jippruvaw jaqsmu l-barriers ċentrali għad-detriment ta’ ħajjithom bil-karozzi l-ħin kollu għaddejjin minn magħhom.”
Il-pont ta’ Triq it-Tiġrija huwa s-sitt pont pedonali li qed isir minn Infrastructure Malta.
L-aġenzija diġà bniet tliet pontijiet ġodda għall-mixi u r-roti fil-Blata l-Bajda, f’Ħal Luqa u f’Raħal Ġdid.
Infetħu wkoll żewġ pontijiet pedonali oħra u mina għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bħala parti mill-proġett tal-Marsa Junction, kif ukoll infetħet subway ġdida taħt Triq Tal-Barrani, bejn Santa Luċija u Ħal Tarxien.
Bħalissa Infrastructure Malta qed tippjana proġetti simili b’konnessjonijiet aktar siguri għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar f’lokalitajiet oħrajn.