Tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-mużew ta’ Għawdex, sabiex b’investiment ta’ disa’ miljun ewro l-gżira tat-tliet għoljiet ser tara t-twelid ta’ attrazzjoni ġdida. Mużew artistiku u storiku li mistenni jiġbed lejh eluf ta’ Għawdxin, Maltin u anke turisti.
Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-proġett, li hi parti ġdida li se tkun iddedikata għall-istorja marittima. Il-Project Manager Charles Hili qal li waqt l-ewwel xogħlijiet instabu fdalijiet arkeoloġiċi.
“Is-sit fejn se jsir il-mużew huwa l-eks Liċeo l-qadim li jinsab fiċ-ċentru tar-Rabat Għawdex. Il-binja hija tal-perit Joseph Huntingford li nbiet fis-snin ħamsin u madwar ftit xhur ilu bdew ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett. Mal-ewwel xogħlijiet ta’ skavar ġiet skoperta fdalijiet arkeoloġiċi, dawk Rumani.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-viżitaturi se jgawdu mhux biss l-istorja ta’ pajjiżna, iżda wkoll l-istorja partikolari tal-gżira msejħa djamant.
“Proġett li huwa mistenni ferm fil-gżira Għawdxija, mużew li se joffri mhux biss spazju għal esebizzjonijiet uniċi t’Għawdex, iżda wkoll spazju għall-artisti sabiex jesebixxu x-xogħol tagħhom.”
Il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera spjega li meta jitlesta l-Mużew ta’ Għawdex ser ikun qed jaqa’ f’idejn il-Heritage Malta.
“Naturalment Heritage Malta hija l-entità li tieħu ħsieb il-patrimonju tal-pajjiż u meta jsir dan il-proġett tibqa’ timmeniġjah Heritage Malta.”
Il-Kuratur Nikolina Sagona qalet li bħalissa għaddejja ħidma sabiex jiġu akkwistati diversi pitturi biex jieħdu posthom f’dan il-mużew.
“Qed isir numru sostanzjali ta’ akkwisti ġodda għal dan il-mużew kemm xogħlijiet ta’ arti bħal pajsaġġi li jirrapreżentaw lill-gżira Għawdxija kif ukoll oġġetti oħra ta’ interess storiku.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit saħaq li l-viżitaturi se jieħdu minn dan il-mużew esperjenza ta’ storja, mill-pre istorja sal-ġurnata tal-lum.
“Dan ħa jkun mużew fejn ħa nirrakuntaw l-istorja ta’ dan il-pajjiż, ta’ din il-ġawhra f’Għawdex mill-pre istorja sal-ġurnata tal-lum.”