Tpoġġiet l-ewwel ġebla fl-iskola primarja tal-Imsida, proġett b’investiment li jleħħaq l-€10 miljun.
Dan il-proġett skatta tliet snin ilu, meta l-bini tal-iskola ma kienx baqa’ sigur kemm għall-istudenti kif ukoll għall-ħaddiema, tant li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet skedat il-binja.
L-iskola l-ġdida se jkollha bosta faċiltajiet li minnhom se tibbenefika wkoll l-komunità Misidjana, fosthom: parkeġġ fuq żewġ sulari, sala għall-komunità u childcare centre.
Waqt żjara fuq is-sit li fiha se tinbena skola akbar minn dik li kien hemm, il-Ministru għall-Edukazzjoni qal li permezz tal-bini mill-ġdid tal-iskola se tiġi implimentata wkoll bidla fl-edukazzjoni, filwaqt li sostna li bdejna mumentum tajjeb biex inkompli ntejbu s-settur edukattiv f’pajjiżna. Il-Ministru Bonnici semma wkoll li din l-iskola primarja se jkollha klassijiet attrezzata għal suġġetti speċifiċi, xi ħaġa li pajjiżi oħra Ewropej għadhom qed jiddiskutu dwarha, li iżda pajjiżna diġá beda jimplimenta.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima semma kif il-bini mill-ġdid tal-iskola se tkun qed tħares ukoll lejn l-iżvilupp sħiħ tal-persuni sabiex tippreparahom b’ħiliet neċessarji għall-hajja ta’ kuljum.
Is-Segretarju Permanenti Frank Fabri semma kif fl-istess jum li ġie identifikat il-periklu fl-iskola primarja tliet snin ilu, saru l-arranġamenti neċessarji sabiex l-istudenti u l-għalliema jmorru fl-iskola ta’ Santa Venera u minn hemm beda l-proġett li issa jinsab fit-tielet fażi tiegħu: il-bini tal-iskola.