Twaqqfet il-Fondazzjoni Sagħtar, li l-għan tagħha huwa li tgħin il-professjonisti fil-qasam edukattiv biex ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom. Dan se jsir permezz ta’ programmi u proġetti relevanti għas-settur filwaqt li torganizza attivitajiet u seminars, li dawn se jwasslu biex l-edukaturi jkomplu jiżviluppaw fil-profesjoni tagħhom.
Iċ-Chairperson ta’ Fondazzjoni Sagħtar, Elaine Germani, spjegat l-għanijiet prinċipali tal-ħidma ta’ Fondazzjoni Sagħtar.
“L-għanijiet prinċipali se jkunu li nipromwovu l-edukazzjoni, li naraw li jkun hemm titjib fil-livell edukattiv u li anke noffru servizz lill-istudenti”
Permezz ta’ Fondazzjoni Sagħtar, il-unjin tal-Għalliema l-MUT, tinsab f’pożizzjoni aħjar li twettaq l-irwol doppju bħala organizzazzjoni trejdjunjonistika u professjonali.
Fil-konferenza tkellem il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici li sostna li l-interess ta’ dan il-Gvern minn dejjem kien li jara x’inhu l-aħjar għall-edukaturi u l-istudenti sabiex dawn jingħataw l-aħjar opportunitajiet biex itejbu ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom.
“Meta jkollok unjin bħalma hi l-MUT, illi tinvesti riżorsi u persuni biex niffokaw aktar fuq dan is-servizz, għalija huwa pass ieħor fl-iżvilupp edukattiv kollu kemm hu”
Intant kull min hu interessat jista’ jirreġistra fuq is-sit saghtar.org.mt. li fiha materjal edukattiv fosthom l-edizzjonijiet kollha tar-rivista Sagħtar.