Tnediet uffiċjalment il-ġimgħa ddedikata għan-negozji żgħar u medji għal din is-sena. L-SMEs Week, kif inhi magħrufa wkoll, se tkun mifruxa fuq numru ta’ jiem bejn Ottubru u Novembru, b’diversi għaqdiet u msieħba soċjali li jtellgħu attivitajiet biex titrawwem aktar kuxjenza dwar in-negozji żgħar u medji.
Waqt it-tnedija uffiċjali ta’ dan l-avveniment, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, spjega kif l-SMEs jifformaw il-bażi tal-ekonomija tagħna b’99% tas-sehem fis-suq.
B’mod skjett, il-Ministru Schembri sostna li l-burokrazija żejda hi ta’ xkiel, u għalhekk, kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, il-Gvern qiegħed jaħdem fuq tliet proġetti li se jnaqqsu l-garanzija b’mod drastika.
Rigward fondi Ewropej, il-Ministru Schembri qal li anke hawn qed isir xogħol biex titnaqqas il-burokraziji u jiġi ssimplifikat il-mod kif kumpaniji speċjalment dawk żgħar u micro jkunu jistgħu jaċċessaw il-fondi Ewropej.
Hu semma kif matul din is-sena kienu diversi l-iskemi u miżuri kemm minn fondi Ewropej u f’fondi lokali immirati speċifikament biex jiġu mgħejjuna l-SMEs. Fost oħrajn, il-Ministru Schembri semma l-Venture Capital Fund, li hu fond b’total ta’ għaxar miljun ewro, li se jgħin start-ups fuq teknoloġiji innovattivi bħal video game, esports, ICT, Fintech, Life Sciences, Pharma, Green Energy, Filming Industry, Agritech, AI, fost oħrajn.
Semma wkoll is-Seed Investment Scheme, skema li toffri inċentivi f’forma ta’ krediti ta’ taxxa lill-kumpaniji Maltin wara li jkunu investew fi startups.
Qal, “Dawn kollha huma indirizzati biex nassistu flimkien ma’ miżuri oħrajn fil-Baġit, nassistu dik l-attività ekonomika li hi ffokata fuq high value added, fuq l-aspett diġitali u fuq l-aspett ambjentali.”
Il-Ministru ħabbar ukoll li, b’kollaborazzjoni mal-European Investment Fund, pajjiżna se jkun qed jirċievi €16.55 miljun f’fondi Ewropej biex ikomplu jiġu mgħejjuna n-negozji żgħar u medji.