Malta qed tniedi u tintroduċi l-pjattaforma ‘traduzzjoni.mt’, servizz ta’ traduzzjoni awtomatika bejn l-Ingliż u l-Malti li joffri wkoll aċċess għas-servizz eTranslation tal-Kummissjoni Ewropea, minn u lejn il-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-pjattaforma ‘traduzzjoni.mt’ hija lokalizzata fuq l-infrastruttura tal-amministrazzjoni pubblika Maltija u tipprovdi sigurtà u kunfidenzjalità għat-traduzzjoni ta’ testi kif ukoll ta’ dokumenti.
Il-pjattaforma ser tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha kif ukoll għall-użu tal-amministrazzjoni pubblika għal traduzzjonijiet sikuri u ta’ kwalità għal kulħadd.
Informazzjoni dwar din il-pjattaforma ġiet ikkomunikata fi stqarrija maħruġa mill-MITA, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, l-Università ta’ Malta u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
‘traduzzjoni.mt’ hija maħsuba primarjament bħala għodda sabiex taqdi l-ħtiġijiet lingwistiċi tal-amministrazzjoni pubblika Maltija. Għal dan il-għan is-sistema ġiet mħarrġa fuq dejta tal-amministrazzjoni pubblika, bħal-Liġijiet ta’ Malta u dejta oħra bħall-‘Korpus Malti’ li huwa miżmum u kkurat mill-Università ta’ Malta.
Is-sistema tintegra wkoll l-eTranslation, il-pjattaforma tat-traduzzjoni żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea, li tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-utent memorji speċjalizzati bħalma hija dik tas-Saħħa Pubblika, il-lingwaġġ formali Ewropew u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropeja. Għaldaqstant, il-pjattforma ġdida ‘traduzzjoni.mt’ tiġbor fiha tiżwieqa ta’ sorsi lingwistiċi kemm domestiċi kif ukoll Ewropej, għal riżultati ta’ traduzzjoni dejjem aktar irfinuti.
Minbarra s-sistema tat-‘twieqi’, jiġifieri li wieħed idaħħal test fuq ix-xellug, li jiġi tradott b’mod awtomatiku lejn il-lingwa tal-għażla tiegħu fuq il-lemin, il-pjattaforma l-ġdida toffri wkoll il-possibbiltà li wieħed jehmeż dokument sħiħ f’diversi formati, liema dokument jiġi tradott fi ftit ħin lejn il-lingwa tal-għażla tiegħu, filwaqt li jinżamm il-format tad-dokument mehmuż u t-tqassim tad-dokument f’paragrafi eċċ.
Peress li tintegra l-eTranslation, is-sistema hija disponibbli minn u lejn il-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lingwi bħall-Għarbi, iċ-Ċiniż u l-Ġappuniż.
‘traduzzjoni.mt’ ser tkun disponibbli għall-użu ġenerali tal-pubbliku mingħajr ħlas.
Il-ħsieb huwa wkoll li jiġi inkoraġġut aktar l-użu tal-Malti f’ambjenti diġitali, peress li lingwi ċkejkna (lingwi mitkellma minn numru limitat ta’ nies), huma fir-risjku tal-‘estinzjoni diġitali’, jiġifieri li dawn il-lingwi jinħonqu mil-lingwi dominant bħall-Ingliż, u jgħibu kważi għal kollox minn dawn l-ambjenti.