Tħabbret it-tielet edizzjoni tal-Islands Cleanup, kampanja nazzjonali ta’ tindif li tistieden lin-negozji, NGOs, u organizzazzjonijiet oħra biex jingħaqdu u jipparteċipaw fi cleanups f’żoni kostali u fil-widien madwar il-pajjiż.
Din il-kampnja tnediet mill-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, flimkien ma’ Project Green u Saving Our Blue, waqt l-ewwel cleanup ta’ din is-sena taħt din l-inizjattiva li saret fil-Bajja tal-Ġnejna. Fiha ħadu sehem l-impjegati mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, u ta’ Trust Payments.
Din il-kampnja għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar il-ħarsien tal-widien, taż-żoni kostali u tal-ibħra, flimkien ma’ siti oħra ta’ importanza naturali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, fakkar li, filwaqt li diġà tħawlu 1,400 siġra biex jimmarkaw l-isforzi tal-kampanja ta’ tindif tal-2021, Project Green qegħda fil-proċess li tħawwel 3,600 siġra oħra skont ir-riżultati tal-edizzjoni tas-sena li għaddiet.
“Qegħdin inħeġġu lill-kumpaniji privati u għaqdiet jirreġistraw fuq il-website project.green sabiex jagħżlu liema bajjiet u widien iridu jnaddfu flimkien magħna. Għal kull tunnellata ta’ skart li nkunu qed niġbru, se nkunu wkoll qed inħawlu żewġ siġriet fil-lokalitajiet tagħna.”
Huwa spjega wkoll li l-parteċipanti jingħataw it-tagħmir meħtieġ, bħal ingwanti, basktijiet, vetturi tal-iskart, kif ukoll struzzjonijiet dwar is-sikurezza, sabiex jiġi żgurat proċess ta’ tindif bla perikli u effiċjenti.
Il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat l-importanza li l-iskart iġġenerat jitnaqqas, jiġi riċiklat, jerġa’ jintuża u, fl-aħħar mill-aħħar, jintrema b’mod responsabbli. Qalet li fl-aħħar snin, permezz ta’ dan it-tindif, inġabru aktar minn 2,500 tunnellata ta’ skart mill-ambjenti naturali tagħna.
Il-Ministru Dalli żiedet tgħid li l-kampanja Islands Cleanup, flimkien mal-inizjattivi ta’ aktar spazji miftuħa ta’ Project Green u l-kampanja Saving Our Blue, imorru id f’id mal-pjanijiet ambjentali, tas-sostenibbiltà, tal-ekonomija ċirkolari, u tal-immaniġġjar tal-iskart tal-Gvern.
Flimkien, dawn se jwassluna biex niksbu l-miri ambjentali ewlenin tagħna: ħajja aktar b’saħħitha u futur sostenibbli għal kulħadd.