Għadha kif tnediet it-tmien edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival. Fuq inizjattiva tat-Teatru Manoel li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, din l-edizzjoni mistennija tkun ċelebrazzjoni spettakolari oħra ta’ mużika barokka fi knejjes, teatri u palazzi mill-isbaħ.
Din l-edizzjoni se tkun il-biċċa l-kbira sekulari, b’kunċerti varji minn madwar l-Ewropa kif ukoll b’doża ta’ talent lokali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kien preżenti għat-tnedija u qal li “l-festival kontinwament qiegħed jissaħħaħ, b’mod li stabbilixxa ruħu sew fix-xena barokka filwaqt li jkompli jsaħħaħ l-esperjenza kulturali lokali.”
Grazzi għal stħarriġ indikattiv li sar b’kollaborazzjoni mal-Malta Tourism Authority, l-edizzjoni tal-2020 se tiffoka fuq li tingħata aktar attenzjoni fuq l-esperjenza ta’ min se jattendi għall-kunċerti.
“Dan huwa fuq l-istess linja tal-istrateġija tagħna biex nagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli, fil-fatt, dan l-istħarriġ jaċċenna wkoll għall-benefiċċji ekonomiċi li jġib miegħu dan il-festival li jsaħħaħ it-turiżmu fi żmien Jannar,” kompla l-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Bonnici ħabbar ukoll opra barokka oħra li għadha ma ttellgħetx fi żmienna. Din l-opra Pelopida, mill-kompożitur Malti Girolamo Abos, inkitbet fl-1747 għat-Teatro Argentina f’Ruma, u se tkun hi li tiftaħ l-istaġun tat-Teatru Manoel tal-2020-2021 f’Settembru.
Bħas-sena l-oħra, il-festival se jmur lil hinn mill-Belt Valletta għall-edizzjoni tal-2020, fejn se jkun qiegħed jesplora bosta postijiet barokki sbieħ bħall-Palazz tal-Verdala fil-Buskett, il-Knisja ta’ San Filippu t’Aġġira f’Ħaż-Żebbuġ, fejn se nressqu l-mużika barokka lejn postijiet li jikkumplementawha.
Fost l-oħrajn, il-festival dsin is-sena se jinkludi l-mużika ta’ Pedro Riumonte fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, mużika minn Missions ta’ Florilegium li se teħodna fuq ġrajja mifruxa fuq tmenin sena fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, il-Kunċert Sacred Vivaldi minn La Serenissima fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl fir-Rabat u l-Bel Canto min-Napli minn Simone Kermes u Amici Veneziani fit-Teatru Manoel li żgur se jagħlqu l-festival fuq nota tajba.
Id-Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel Kenneth Zammit Tabona tkellem dwar kif il-festival joffri xi ħaġa lil kulħadd. Fl-indirizz tiegħu qal li “wasalna għat-tmien edizzjoni tal-festival u l-appoġġ tanġibbli li qegħdin nirċievu żgur qiegħed jagħti attribut kbir għal dan is-suċċess.”
Is-Sur Zammit Tabona rringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li offrew is-sala prinċipali tagħhom għal wara l-kunċerti. Irringrazzja wkoll lill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għall-appoġġ tagħhom permezz ta’ kollaborazzjoni mal-korijiet tal-katidrali u tal-knejjes tal-Belt Valletta, waqt is-simpożju dwar il-Cantatas ta’ Bach, li l-lettur Sandy Burnett flimkien mal-ensemble The Instruments of Time and Truth se tieħu lill-parteċipanti fuq vjaġġ ta’ skoperti.
Xi ħaġa ġdida għall-edizzjoni ta’ din is-sena hija l-bejgħ ta’ oġġetti tal-Valletta Baroque Festival. Il-festival ingħaqad mal-artisti lokali Glen Calleja, Glen Ellul u Ritienne Zammit biex joħolqu linja ta’ oġġetti uniċi li tinkludi gvieret tal-Valletta Baroque Festival magħmula mid-dipartiment tal-kostumi tat-Teatru Manoel. Ġiet żviluppata app għall-mobile speċifikament għall-edizzjoni tal-VBF 2020. Il-viżitaturi jistgħu jużaw l-app biex jiskopru kunċerti, mapep tal-postijiet, numri ta’ tal-linja u informazzjoni ġenerali ta’ bżonn.
It-8 edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival se tittella’ bejn l-10 u l-25 ta’ Jannar 2020. Għal aktar informazzjoni żur vallettabaroquefestival.mt.