Tnediet it-tieni edizzjoni tal-Malta Business Awards, li qed tittella’ mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji b’kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise u l-Ministeru għall-Intrapriża.
In-negozji għandhom sal-aħħar ta’ Lulju biex japplikaw u jistgħu japplikaw għal aktar minn premju wieħed.
Intqal li l-ewwel kumpaniji magħżula se jitħabbru f’Settembru u l-finalisti se jitħabbru f’Ottubru. Dan filwaqt li s-serata finali se ssir fl-ewwel ta’ Diċembru.
“Aħna nħeġġu lin-negozju stess li jagħmel is-sottomissjoni tiegħu għax hu l-aħjar x’iniżjattivi għamel u l-aħjar li kien jaf x’inhuma r-riżultati u għalfejn għamilhom dawn l-iniżjattivi, imma nemmnu ħafna li meta inti tkun qed taqsam dak it-tajjeb li għamilt, int ħa tispira ħafna lill-oħrajn u ħa tkun qed tagħti eżempju.”
Abigail Agius Mamo – Kap Eżekuttiv taċ-Chamber of SMEs
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru Miriam Dalli, li qalet li t-tkabbir ekonomiku huwa mmexxi mid-dedikazzjoni u x-xogħol iebes tal-intrapriżi f’pajjiżna.
“Dawn l-awards mhux sempliċament serata ta’ premjazzjonijiet, imma huma opportunità fejn intrapriżi differenti jistgħu juru dawk li qegħdin jagħmlu, b’mod partikolari fejn jidħlu żewġ pillastri ewlenin. Dawn huma żewġ pillastri li lilna jiggwidawna bħala Gvern fejn jidħlu l-intrapriżi f’pajjiżna u fejn qegħdin naraw aktar u aktar kumpaniji jinvestu fihom.”
Ministru Miriam Dalli
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur www.maltabusinessawards.mt. GRAFIKA