Infetħet it-tieni edizzjoni tal-Gozo Green Energy Expo, inizjattiva ambjentali tas-Soċjetà Filarmonika Leone. Dan il-proġett se jkun qed jesebixxi l-aħħar żviluppi għal soluzzjonijiet alternattivi ta’ enerġija sostennibli f’Għawdex.
L-Expo qed issir fl-ewwel Ċentru tal-Konferenzi u Esebizzjonijiet f’Għawdex, permezz ta’ fondi Ewropej. Din il-faċilità qed tkun mgħammra biex tospita varjetà ta’ avvenimenti, minn konferenzi tan-negozju għal wirjiet kulturali u intraprendorjali.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, qal li hu fiduċjuż li Għawdex jista’ jkun fuq quddiem f’soluzzjonijiet ta’ enerġija sostenibbli, u jikkontribwixxi għall-isforzi ġenerali ta’ Malta lejn futur aktar ekoloġiku.
Stqarr, “Expo li qed tkun iffinanzjata minn fondi Ewropej, però, aktar minn hekk ukoll, qiegħda tintuża issa l-conference and expo centre – l-ewwel waħda tax-xorta tagħha ġewwa l-gżira ta’ Għawdex li l-għan tagħha huwa wkoll li jattira kemm turiżmu u niċeċ ta’ turiżmu speċifiċi b’mod partikolari dawk iffukati fuq il-konferenzi u li permezz ta’ dawn il-fondi tkun tista tintuża mill-Għawdxin imma, aktar minn hekk, għal dawk kollha li jżuruna u li jeħtiġielhom din il-faċilità.”
Il-Ministru semma diversi proġetti importanti li qed jiġu implimentati permezz ta’ EkoGħawdex u l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali, bħall-proġett InCircle, li permezz tiegħu nbena ġibjun li jesa ’l fuq minn 500 metru kubu ta’ ilma, li se jgħin lill-bdiewa fit-tisqija tal-prodotti agrikoli tagħhom lejn in-naħat ta’ Santa Luċija.
Huwa semma l-proġett BioBlu, li permezz tiegħu EkoGħawdex ,flimkien mal-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Katanja, qegħdin jaħdmu ermezz tal-aħħar teknoloġija sabiex inaqqsu l-effetti tal-microplastics li jħammġu l-bajjiet u l-ibħra tagħna u li jkollhom effett negattiv fuq il-fawna u l-katina tal-ikel.
Il-Ministru fakkar li, fil-livell Ewropew, Għawdex intgħażel ukoll bħala wieħed mill-100 belt sabiex isiru Climate-Neutral. Huwa spjega li dan jinvolvi tibdil ta’ kif nużaw l-enerġija u wkoll kif nivjaġġaw minn u lejn Għawdex, u f’Għawdex stess.