Tnediet it-tieni edizzjoni tal-programm “Let’s Talk Farming”, filwaqt li ġew ippreżentati l-premji lill-iskejjel li rebħu fl-ewwel edizzjoni.
Din l-inizjattiva kienet imqassma f’sebgħa u erbgħin skola primarja; kemm skejjel tal-istat, privati u anke tal-knisja, bil-ħsieb li teduka lill-ġenerazzjonijiet futuri dwar l-importanza tal-agrikoltura u r-rwol li għandhom il-bdiewa u r-raħħala fis-soċjetà.
Waqt is-serata, ġew ippremjati wkoll l-iskejjel li laħqu l-kriterji stabbiliti fil-programm għall-Premju tad-Deheb, tal-Fidda jew tal-Bronz. Aktar minn 20 skola kienu ppremjati bil-premju tad-deheb, li jfisser li organizzaw attivitajiet minn kull kategorija, 8 b’kollox, u kellhom attivitajiet oriġinali u partiċipazzjoni matul is-sena kollha anke bl-impenn tal-ġenituri.
Il-Ministeru għall-Agrikoltura alloka s-somma ta’ €30,000, li €20,000 minnhom ġew allokati għal sussidju lill-iskejjel parteċipanti biex jorganizzaw ħarġiet edukattivi għand l-imsieħba tal-programm.
Il-Ministru Anton Refalo qal kif bit-tnedija tat-tieni edizzjoni ta’ dan il-programm, qed titwettaq wegħda elettorali oħra mill-Manifest Elettorali ‘Malta Flimkien’, miżura numru 599.
“L-iskop ta’ dan il-programm huwa li nagħmlu l-biedja aktar sostenibbli. Dan billi ngħallmu lit-tfal tagħna li x-xogħol huwa wieħed importanti u għalhekk ingħaqadna mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u kif ukoll mat-tfal u l-familji tagħhom biex flimkien ipprovdejna din l-esperjenza.”
Anton Refalo – Ministru
Dan il-programm edukattiv involva numru ta’ attivitajiet, fosthom diskussjonijiet u taħdidiet mal-bdiewa u r-raħħala.
Bl-involviment tal-ġenituri, it-tfal marru jixtru l-ikel, għamlu żjarat fil-Farmers’ Market kif ukoll ġew esposti għal mixjiet qalb il-pajsaġġi rurali Maltin u Għawdxin.