Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius nedew it-tielet edizzjoni tal-Malta Architect Awards, organizzati mill-kumpanija iMNG Ltd, bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Awtorità tal-Ippjanar, liema kompetizzjoni tagħlaq fil-31 ta’ Lulju 2018.
Il-Ministru Ian Borg qal li din il-kompetizzjoni tagħti opportunità lill-professjonisti f’dan il-qasam biex jaqsmu xogħolhom u t-talenti tagħhom mal-poplu Malti u Għawdxi. Huwa esprima l-unur tiegħu li kull ftit xhur jippreżenta lil numru ta’ periti bil-warrant li jkunu ilhom tant jaħdmu għalih, u spjega li meta jkun qiegħed jindirizza lil dawn il-periti, huwa dejjem ifakkarhom fl-importanza tal-etika u tal-professjonalità. Huwa saħaq li x-xogħol tal-periti għandu jkun immirat biex iħares il-wirt tagħna u l-ambjent, u l-ħidma tagħhom għandha tkun innovattiva, tant li dejjem tkompli ġġedded il-mod li bih nifhmu l-arkitettura mingħajr ma nħallu warajna l-prinċipji arkitettoniċi li writna mingħand missirijietna.
Il-Ministru qal li fid-dawl tal-progress kbir li għaddej minnu pajjiżna, il-periti għandhom opportunità biex jiżguraw li dawn il-prinċipji qegħdin jiġu mħarsa, filwaqt li jħalltu dak li hu kontemporanju ma’ dak li ilu validu minn żmien l-antenati tagħna fid-disinni innovattivi tagħhom. Huwa ħeġġeġ lill-periti sabiex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom. “Jeħtieġ li nkomplu naqdfu sabiex naraw aktar proġetti li jsebbħu, jirrivoluzzjonaw u jispiraw, qal il-Ministru, u għalaq billi stieden lill-periti kollha biex juru lill-poplu Malti li ġewwa pajjiżna għandna talent kbir, filwaqt li rringrazzjahom tas-servizz li jagħtu lill-istess pajjiż.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius qal li l-għan prinċipali ta’ dawn l-awards huwa li jirrikonoxxu lill-periti lokali għal proġetti ta’ kwalità għolja li jkunu ddisinjaw u li qed ifasslu l-futur ta’ pajjiżna. Chris Agius semma’ li permezz tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, twaqqaf Kumitat Konsultattiv għad-Disinn sabiex jgħin lill-Bord tal-Ippjanar fl-evalwazzjoni tad-disinn fl-applikazzjonijiet ewlenin u f’żoni ta’ konservazzjoni urbana, biex jiżguraw il-kwalità tad-disinn. Huwa rringrazzja lil iMNG Ltd u lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-organizzazjoni ta’ dawn l-awards.
Johann Buttigieg, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, qal li l-għan l-ewlieni ta’ dawn il-premjijiet hu li nippremjaw lil dawk il-periti li qed jikkontribwixxu b’mod pożittiv għal qabża fil-kwalità tad-disinn fil-kuntest urban. “Din hija t-tielet sena li aħna qed nipprommwovu dawn il-premjijiet ghaliex nemmnu li jservu wkoll biex jinstigaw fost il-professjoni lokali ta’ periti ħeġġa u kompetittività pożittiva. B’hekk, ikompli jogħla l-livell ta’ proġetti li jagħtu gieħ lill-ambjent ta’ pajjiżna.”
Hu kompla jgħid li, “l-awtorità hija konxja bl-isfidi li għandha bħala regolatur fil-qasam tal-iżvilupp u l-użu tal-art. L-awtorità tibqa’ mpenjata li mhux biss tippriedka fuq il-qabża ta’ kwalità li hemm bżonn, iżda hija stess qiegħda minn ta’ quddiem taħdem biex tkun tragward kemm fil-kwalità tas- servizz li toffri, fl-infrastruttura kollha tagħha, fl-enerġija nadifa, u f’inizjattivi u programmi favur it-tisbiħ urban”.
Ir-reġistrazzjoni u l-ħlas jistgħu jsiru fuq www.architectawards.com.mt fejn hemm ukoll aktar informazzjoni u r-regolamenti kollha ta’ din il-kompetizzjoni.