Fil-jum dinji dwar l-oċeani, f’pajjiżna għal darb’oħra tnediet il-kampanja Saving Our Blue.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-bajja tal-Għadira hekk kif ġie spjegat li din il-kampanja issa qed issir appuntament annwali.
Fil-fatt, Saving Our Blue, li tqajjem kuxjenza kontra t-tniġġis tal-baħar u l-ambjent, qed issir għat-tielet sena konsekuttiva, bis-sena li għaddiet jinġabru madwar 4,250 kilogramma ta’ skart u plastik mill-bajjiet u l-ibħra Maltin.
Fid-diskors tiegħu waqt it-tnedija ta’ din il-kampanja, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia tenna kif bħas-snin preċedenti, Saving Our Blue se tkun qed tinvolvi attitivitajiet differenti ta’ tindif fil-bajjiet madwar il-gżejjer Maltin.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Primarjament din is-sena se niffukaw fuq żewġ affarijiet. Micro-pastics u macro-plastics għaliex mill-campaigns li għaddew tas-snin li għaddew urew li dawn huma sa sfida kbira għall-pajjiż imma wkoll illum huwa l-Jum Dinja għall-Oċejani u allura se niffukaw ukoll fuq il-Marine Protected Areas.”
Huwa tenna wkoll kif din l-inizjattiva ġenwina tikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern fil-qasam ambjentali.
Fil-fatt dwar plastics li jintużaw biss darba, il-Ministru Farrugia fakkar fil-leġislazzjoni li ntroduċa l-Gvern li permezz tagħha, fl-2022 se jiġi pprojbit il-bejgħ u d-distribuzzjoni fl-użu ta’ darba tal-plastik fis-suq lokali.
Dan filwaqt li f’Jannar li għadda ġie projbit l-importazzjoni ta’ dan il-materjal.