It-tielet edizzjoni tal-attività annwali tal-‘Caritas Run For Life’ se ssir fit-2 ta’ Marzu li ġej, b’kollaborazzjoni mal-entità governattiva SportsMalta u s-St Patrick Athletic Club.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu.
Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, irringrazzja lil dawk li qegħdin jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-attività b’għan nobbli favur ħajja sana u l-element ta’ ġbir ta’ fondi. Żewġ għanjiet li l-Caritas ilha taħdem fuqhom għal dawn l-aħħar 35 sena.
Din l-attività se tibda u tispiċċa fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas f’Ħaż-Żebbuġ u se tinkludi ġirjiet u mixjiet għall-kbar u anke għat-tfal ta’ bejn is-6 u t-13-il sena.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-President tas-St Patrick’s Athletic Club, Ray Spiteri, li qal li l-klabb iħossu onorat li se jerġa’ jikkollabora ma’ Caritas Malta għal din l-attività. Hu kompla jgħid li r-rotta hi waħda unika li tiġbed mijiet ta’ persuni għaliha u min jiġi fl-ewwel tliet pożizzjonijiet f’kull kategoriji se jingħata wkoll trofew.
Il-Viċi Chairman ta’ SportMalta Keith Bartolo faħħar ix-xogħol kontinwu li tagħmel Caritas Malta u esprima li l-entità governattiva dejjem kienet hemm bħala appoġġ għal attivitajiet simili.