Fil-jum iddeddikat għall-importanza tal-Edukazzjoni bħala dritt uman tan-Nazzjonijiet Magħquda, tnediet it-tielet edizzjoni ta’ Qaritona.
Din l-inizjattiva tal-Malta Trust Foundation għandha l-għand li trawwem fit-tfal l-imħabba lejn il-ktieb u l-qari. Dan biex jiksbu aktar għerf u jeċċellew fil-kreattività.
Waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva fil-Kulleġġ ta’ San Benedittu fiż-Żurrieq ONE News tkellem ma’ bosta tfal dwar il-qari.
Tkellimna wkoll mal-attriċi Veronica Farrugia, waħda mill-ambaxxaturi tal-Qari f’Malta. Saħqet li f’dawn iż-żminijiet fejn it-tfal huma medijin bl-aġġeġġi teknoloġiċi, il-qari jeħtieġ li jingħata aktar importanza.
Hija stqarret: “Qegħdin ninkoraġixxu ħafna lit-tfal jaqraw, il-qari huwa sabiħ, il-qari ma jridx isir bl-isforzi imma jrid isir mill-qalb u l-qari jiftaħlek ħafna bibien għax il-qari f’fantażiji fejn trid inti.”
Min-naħa tagħha l-President tal-Malta Trust Foundation Marie Louis Coleiro Preca qalet li din l-inizjattiva se jgawdu minnha wkoll tfal neqsin mid-dawl jew bi problemi bil-vista. Hija spjegat: “Permezz tal-Qaritona Nazzjonali aħna ngħinu wkoll gruppi ta’ tfal li jkollhom bżonn l-għajnuna biex jaċċessaw informazzjoni jew inkellha biex ikunu aktar komunikattivi.”
Qalet kif is-sena li għaddiet inġabru 15,000 biex inxtara tagħmir apposta biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jaqraw.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li rridu nneħħu l-idea li kollox jgħodd għal kulħadd.
Huwa sostna: “Nemmnu li s-sistema edukattiva għandha tkun hemmek għas-servizz tal-istudent u mhux bil-maqlub u allura pereżempju hemm ħafna skemi importanti ħafna iwasslu biex it-tfal jaqraw iktar fosthom għalliema ma’ student.”