Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ħabbar li nieda għall-konsultazzjoni pubblika strateġija nazzjonali għall-għaxar snin li ġejjin, li se tara l-oqsma tal-faqar u l-inklużjoni soċjali jingħataw aktar prijorità nazzjonali, waqt li jkomplu jinkisbu fuq ir-riżultati relatati f’dan ir-rigward fl-aħħar snin.
L-oqsma importanti, li jiffoka fuqhom dan id-dokument, huma l-għajnuna lil nies li jinsabu f’diffikultà biex ikunu jistgħu jaqilgħu aktar flus għall-bżonnijiet bażiċi tagħhom, b’mod partikolari fis-saħħa u l-edukazzjoni.
L-appoġġ lill-persuni, li għandhom bżonn l-aktar għajnuna, hu mifrux minn tfal sa anzjani, minn migranti sa familji, waqt li tingħata imbottatura biex aktar persuni jagħżlu xogħlijiet importanti li joffru servizz lin-nies li jiffaċċjaw problemi ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
Ilkoll flimkien, dawn l-azzjonijiet se jkunu qed iservu bħala roadmap bejn il-Gvern u bosta għaqdiet mhux governattivi biex jitkompla jitrażżan il-faqar f’pajjiżna.
Fuq dan, il-Ministru responsabbli Michael Falzon spjega li din l-istrateġija hi kontinwazzjoni ta’ dik li kien hemm qabel u se tkompli tara li l-faqar u l-esklużjoni soċjali f’pajjiżna jonqsu.
“Hija strateġija li tħares lejn l-għaxar snin li ġejjin, strateġija kontra l-faqar u kontra l-esklużjoni soċjali. Hija tkomplija ta’ strateġija li kellna bejn l-2014 u l-2024 … strateġija li tat riżultati tajbin, li naqqasna l-faqar sever, naqqasna l-faqar materjali u wieħed irid jara wkoll fi ħdan ta’ politika sħiħa ta’ amministrazzjoni li temmen bis-serjetà li għandna dejjem inżidu l-investiment soċjali tagħna. Dik hi r-ruħ ta’ kull politiku.”
Il-Ministru Michael Falzon
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù, ta ħarsa lejn l-indikaturi ewlenin li bih jitkejjel il-faqar, b’mod partikolari mill-2017 ’il quddiem.
“Dik li hi r-rata ta’ riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali minn 24.6% inżilna għal 19.8% fl-aħħar għaxar snin. Semmejt ukoll li r-rata ta’ deprivazzjoni materjali minn 20% niżlet għal 8%, waqt li r-rata ta’ ċaħda materjali severa minn aktar minn 10% issa niżlet għal inqas minn 4%.”
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù
Il-Ministru temm jgħid li pajjiżna ra qabża sinifikanti ’il quddiem fl-oqsma tal-faqar u l-inklussività meta mqabbel ma’ għaxar snin ilu.
“Illum nistgħu nitkellmu li, jekk nitkellmu fuq dak li hu severe material deprivation, illum għandna inqas minn terz, jew terz, ta’ dak li kellna għaxar snin ilu. Jekk nitkellmu fuq ċaħda materjali, illum għandna inqas min-nofs ta’ dak li kellna għaxar snin ilu. Jekk nitkellmu fuq in-nies li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali, illum għandna inqas min-nofs ta’ dak li kellna għaxar snin ilu. Riżultati pożittivi li jitkellmu waħedhom. Inħares ’il quddiem li anke taħt din il-policy il-ġdida għall-għaxar snin li ġejjin, pajjiżna jerġa’ jagħmel l-istess suċċessi.”
Il-Ministru Michael Falzon