L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għadu kif nieda l-istrateġija tiegħu għall-ħames snin li ġejjin, bit-titlu ‘Intejbu l-Governanza u l-Prestazzjoni fis-Settur Pubbliku’. Dan id-dokument strateġiku ġdid ġie ppreżentat mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara lill-Ispeaker Anġlu Farrugia waqt żjara uffiċjali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fil-preżenza tad-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri u l-impjegati kollha tal-NAO.
F’diskors qasir, Deguara għamel referenza għas-sitt miri strateġiċi li huma inklużi fl-Istrateġija tal-NAO 2019 – 2023, li huma:
- li jkun ta’ kontribut biex tiġi assigurata kontabilità fl-użu tar-riżorsi pubbliċi;
- li jinkoraġġixxi u jiffaċilita titjib fil-kwalità ta’ governanza billi jisħaq fuq trasparenza waqt teħid ta’ deċiżjonijiet, jikkontribwixxi b’rapporti informattivi sew għal dibattiti parlamentari u pubbliċi, ixerred prassi tajbin, jippromwovi valur għal flus, iħeġġeġ tibdil fil-prassi u proċedura amministrattiva;
- li jsir il-gwida u d-direzzjoni ewlenija f’dawk l-oqsma magħżula ta’ verifika fis-settur pubbliku u jkun rikonoxxut bħala ċentru ta’ eċċellenza u kompetenza fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika Maltija;
- li jirrafina, b’mod li kull min hu involut jibbenefika minnhom, ir-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn l-Uffiċċju u d-dipartimenti u l-entitajiet li tagħhom qed jagħmel verifika, l-iskrutinaturi, u dawk kollha li bħalu jagħmlu xogħol f’dan il-qasam, fir-restrizzjonijiet issettjati minn standards etiċi li jitolbu l-indipendenza professjonali ta’ awdituri statali esterni;
- li jżid il-valur għal flus li jinħoloq permezz ta’ verifika pubblika; u
- li jifformula pjanijiet ta’ verifika fuq kriterji stabbiliti, b’attenzjoni partikolari fuq materjalità u riskju.
Huwa enfasizza li dan id-dokument importanti, li se jipprovdi direzzjoni strateġika lill-Uffiċċju għall- ħames snin li ġejjin, fl-aħħar mill-aħħar kien ir-riżultat ta’ proċess ta’ konsultazzjoni estensiva kemm internament, li essenzjalment kienet tinvolvi lill-impjegati tan-NAO kollha, kif ukoll ma’ stakeholders esterni inklużi s-Segretarji Permanenti fis-servizz pubbliku. Deguara rringrazzja lill-Professur Edward Warrington li mexxa l-proċess estensiv u minn xi daqqiet kumpless li finalment wassal għal formulazzjoni tal-istrateġija.
Min-naħa tiegħu, Anġlu Farrugia wassal l-apprezzament sħiħ tiegħu għax-xogħol siewi li jsir mill-NAO. Huwa enfasizza li se jibqa’ jsegwi mill-qrib ix-xogħol ta’ livell għoli mwettaq mill-istaff ta’ dan l-Uffiċċju u ħeġġeġ lill-management u impjegati kollha biex jibqgħu jagħmlu xogħolhom mingħajr biża’ jew favur u fi spirtu ta’ awtonomija sħiħa. Huwa faħħar l-Uffiċċju għal dan il-pjan strateġiku li għandu jwassal biex l-NAO jkun fl-aħjar pożizzjoni biex iwettaq il-mandat kostituzzjonali tiegħu fis-snin li ġejjin.