Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn diversi msieħba soċjali ġiet imnedija L-Istrateġija għall-Irtirar u Kapaċità Finanzjarja li se tkun qed tkopri s-sentejn li ġejjin. Din se tkun qed timbotta biex jinħoloq iktar għarfien, ippjanar u azzjoni għal dawk iċ-ċittadini Maltin li jkunu rtirati.
L-istrateġija se tkun qed tgħin biex wieħed ikun kapaċi jimmaniġja l-finanzi, id-dejn, u jippjana għall-futur dan hekk kif hija life skill importanti għal kull ġenerazzjoni.
Informazzjoni li ħarġet minn studju li sar fil-perjodu ta’ konsultazzjoni tal-2015 ikkonferma kif anzjani, single parents u żgħażagħ, fost oħrajn, ma kellhomx għarfien tajjeb ta’ kif wieħed għandu juża flusu bl-aħjar mod.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-edukazzjoni se jkollha rwol importanti biex dak li jkun skont l-istil ta’ ħajja tiegħu jkun jista’ kull ġurnata juża’ flusu bl-aħjar mod, iġemma għall-futur u jgħix ħajja komda fl-istess ħin.
Din l-istrateġija se tkun qed tipprovdilhom linji gwida, li tfasslu mill-grupp għall-Irtirar u Kapaċità Finanzjarja ippresedut minn David Spiteri Gingell, dwar maniġjar ta’ flus fil-ħajja ta’ kuljum, kif għandhom jippjanaw għall-futur, u kif għandhom jieħdu ħsieb id-dejn bl-aħjar mod.