Għall-ewwel darba Malta issa għandha strateġija kontra r-razziżmu.
Dan huwa pjan t’azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza.
Pjan t’azzjoni li għandu s-sostenn tal-klabb ta’ Manchester United li jaħdem ħafna fil-ġlieda kontra l-mibegħda razzjali.
Għaldaqstant għal din it-tnedija fl-istadium Nazzjonali f’Ta Qali kien hemm preżenti l-leġġenda ta’ Manchester United Dwight Yorke.
Qal, “Certainly from our point of view the Manchester United brand is here to endorse it, to try and move it forward certainly from a sporting possibility but yeah it is good to see that the government is really taking a stand where racism and equality is concerned.”
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Owen Bonnici stqarr kif bit-tisħiħ tal-ħidma kontra l-mibegħda razzjali pajjiżna ser ikun wieħed li verament jemmen li kulħadd għandu jkun itrattat b’mod ugwali.
Spjega, “Din hija sfida oħra li rridu negħlbu flimkien biex pajjiżna ikun pajjiż iżjed tolleranti fejn jidħol persuni li għandhom il-kulur tal-ġilda tagħhom differenti, etniċità differenti jew reliġjon differenti. Jiena konvint li iktar ma jgħaddi żmien, iktar ma nsaħħu l-ħidma tagħna iktar ser inkunu pajjiż li jista’ jiftaħar li jemmen fl-ugwaljanza u jemmen fid-dinjità għal kulħadd.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega kif din l-istrateġija hija sforz konġunt biex tkompli tinbena koalizzjoni b’saħħitha kontra l-mibegħda u r-razziżmu filwaqt li l-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli appoġġjat l-inizjattiva tal-Gvern Malti.
Fil-konferenza indirizzat ukoll lil dawk preżenti il-plejer tat-tim nazzjonali tan-nisa Maltija Maya Lucia li wkoll rrakkontat kif hija ġieli affaċjat ir-razżimu u issa tħares ’il quddiem sabiex tgħin tkun il-vuċi għal din l-istrateġija.