Il-Kunsill Malti għall-Arti nieda skema ta’ appoġġ speċjali bħala parti minn investiment dirett ta’ €6 miljun fis-setturi kulturali u kreattivi lokali.
Din l-iskema tifforma parti mill-investiment speċjali addizzjonali ta’ €1 miljun imħabbar mill-Gvern Malti matul l-aħħar budget biex ikompli jsaħħaħ l-irkupru b’saħħtu tas-setturi filwaqt li jżommu mal-miżuri ta’ mitigazzjoni meħtieġa.
Il-Ministru għall-Kultura José Herrera spjega li din l-iskema hija immirata biex isaħħaħ is-settur kulturali wara l-isfidi ppreżentati mill-imxija, l-Iskema ta’ Appoġġ għall-Programmi li tifforma parti mill-iskemi RESTART tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Il-Ministru Herrera stqarr: “Fil-ġimgħat u xhur li ġejjin stennew mingħandna bħala Ministeru u Kunsill tal-Arti ħemel ta’ skemi waħda wara l-oħra. Dawn l-iskemi huma inidirizzati sabiex niffinanzjaw u nissussidjaw il-kreattività u wessajniehom ħafna dawn l-iskemi.”
Id-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija Mary Ann Cauchi ħeġġet lil dawk interessati sabiex japplikaw għal dawn l-iskemi li se jkomplu qed joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin.
Hija qalet, “Hemm tliet sejħiet, Marzu, Ġunju u Ottubru. Meta japplika wieħed għandu jħalli żmien ta’ ppjanar u mmaniġjar biex itella’ l-attivitajiet u festivals differenti. Fil-fatt hemm ħafna ġeneri li jistgħu jittellgħu b’dawn il-€1.3 miljun.”
L-Iskema ta’ Appoġġ għall-Programmi hija miftuħa għall-operaturi kulturali u kreattivi kollha, minn individwi, għal kumpaniji u organizzazzjonijiet volontarji.
Għal aktar informazzjoni l-pubbliku jista’ jżur artscouncil.mt, iċempel fuq it-telefon 2334 7230 jew jibgħat email lil fundinfo@artscouncil.mt