Tnediet skema għal żgħażagħ Għawdxin li għandhom bejn is-16 u l-20 sena u qed ifittxu xogħol.
Il-parteċipanti eliġibbli għal din l-iskema se jingħataw opportunità ta’ xogħol mas-settur privat jew organizzazzjoni volontarja f’Għawdex stess u jirċievu disgħin ewro fil-ġimgħa għal total ta’ €450 f’ħames ġimgħat.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega li b’din l-iskema, il-Ministeru se jħallas lil min iħaddem sa għoxrin siegħa fil-ġimgħa, imbagħad min iħaddem jista’ jagħżel li jagħti inċentiv liż-żgħażagħ u jkompli jħaddimhom jew iżidilhom is-sigħat.
Eliġibbli biex japplikaw huma ż-żgħażagħ Għawdxin kollha li qed jattendu istituzzjoni edukattiva bħal skola sekondarja, MCAST, ITS, Junior College u l-Università.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Il-Gvern ser ikun qed jagħmel tajjeb għal għoxrin siegħa fil-ġimgħa fejn ukoll ninċentivaw lill-employers sabiex b’mod ovvju, jew iżid il-ħinijiet tax-xogħol jew anki jestendi l-perjodu ta’ din l-esperjenza mal-istess employer.”
L-applikazzjonijiet se jinfetħu bejn it-Tnejn 6 ta’ Lulju sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa 10 ta’ Lulju.
Wieħed jista’ japplika online fuq is-sit elettroniku www.mgoz.gov.mt.
Il-Ministru Camilleri sostna: “Inħeġġeġ liż-żgħażagħ kollha ta’ bejn 16 u 20 sena Għawdxin sabiex japplikaw għal din l-iskema li se tiftaħ fis-6 ta’ Lulju fejn wieħed jista’ japplika online fejn il-Gvern se jagħti dan is-sussidju għal ħames ġimgħat sħaħ mill-ewwel ġimgħa t’Awwissu sal-ewwel ġimgħa ta’ Settembru.”