Tħabbret skema ta’ fondi għal tnax-il Kunsill Lokali fiż-żona ta’ madwar il-Port il-Kbir.
Din l-iskema, b’investiment ta’ €1.2 miljun hija ffinanzjata mill-fond tal-gvern Norvegiż. Dawn il-fondi huma ntiżi sabiex dawn il-Kunsilli Lokali jwettqu proġetti ta’ fejda fil-qasam soċjali u sabiex jiġu mgħejuna familji li qed jaffaċċjaw sfidi soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari, Aaron Farrugia qal li bħal kull miżura tal-baġit li hi mmirata għal saffa jew sezzjoni speċifika tas-soċjetà biex tħalli l-impatt mixtieq u l-aħjar riżultati, hekk ukoll skemi bħal tal-lum b’fondi Ewropej huma mmirati għal għan speċifiku, din id-darba biex nilħqu l-familji li għandhom sfidi reali u li huma residenti fl-Inner harbour ta’ pajjiżna.
Farrugia qal li l-ħidma tal-Gvern biex inaqqas il-faqar u jgħin il-familji jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar b’servizzi professjonali fil-komunità tibqa fost il-prijoritajiet u permezz ta’ dawn il-fondi, il-Kunsill Lokali jista’ jwettaq proġett tanġibbli, ta’ fejda u li jista’ jbiddel l-istil ta’ ħajja tan-nies għall-aħjar. Dan kien il-qofol tad-diskussjonijiet u n-negozjati li kellna mal-Gvern Norveġiż biex ksibna dawn il-fondi.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li permezz ta’ din l-iskema qed jissaħħaħ l-impenn li l-lokalitajiet isiru ċentri ta’ eċċellenza ma’ dak li għandu x’jaqsam gvern lokali. Spjega li għalkemm sar progress kbir f’dan ir-rigward, huwa tajjeb li wieħed ikompli jimmira għal iżjed titjib.
Fisser li l-fondi Norvegizi għal dawn il-lokalitajiet li huma fiż-żona urbana huma kruċjali peress li jgawdu minn inqas fondi Ewroej minn lokalitajiet oħra. Dan kien qed joħloq żbilanċ u din l-iskema se tindirizza dan.